Lokali

Soċjeta’ demokratika teħtieġ edukazzjoni għolja ħielsa u indipendenti – l-MUT

Soċjetajiet demokratiċi jeħtieġu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għola u riċerka li huma ħielsa u indipendenti u li jinkoraġġixxu ħsieb kreattiv u indipendenti.

Sostniet dan, il-Union tal-Għalliema (MUT) fi stqarrija b’reazzjoni għad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-liġi dwar l-Universita’ ta’ Malta. L-MUT qalet li filwaqt li tilqa’ l-ħsieb li l-Universita’ ta’ Malta tkun regolata b’liġi apposta, fl-istess waqt, hi mħassba li t-twaqqif ta’ struttura ta’ bord kif proposta mill-Gvern jistgħu iwasslu biex l-istituzzjoni twassal biex l-Universita’ tispiċċa Dipartiment fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Dan għaliex bord mhux akkademiku se jispiċċa  jiddeċiedi l-funzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni u staff akkademiku ma jitħallewx jieħdu inizzjattiva professjonali u kapijiet akkademiċi ikunu biss kariga bla sustanza.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li wara li ġara l-istess fl-Istitut għall-Edukazzjoni, hemm tħassib li din hi xejra inkwetanti fejn il-Gvern qed jiċċentralizza l-kontroll fuq l-istituzzjonijiet.

L-MUT innotat ukoll li ċertu proposti qed iqajjmu dubji serji dwar kemm se jwasslu għall-liberta’ akkademika, trasparenza fl-ingaġġ ta’ akkademiċi u full-time u part-time u stutturi ta’ appell. Dwar il-Junior College, l-MUT esprimiet diżappunt għall-fatt li d-dokument ta’ konsultazzjoni ftit li xejn ma semma l-viżjoni dwar din l-istituzzjoni.