Minn aktar stħarriġ li għamlu l-Periti tal-Gvern dwar il-qagħda infrastrutturali tal-binja tal-Isptar Monte Carmeli, jirriżulta li l-qagħda ta’ soqfa f’ċerti partijiet tal-isptar hi tassew gravi u fi stat ta’ periklu kbir. Dan kien żvelat fil-gazzetta il-mument.
Il-ħaddiema assenjati fl-Isptar Monte Carmeli huma mmexxija mis-Senior Foreman Richard Azzopardi li hu persuna viċin ħafna Neville Gafà. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-ħaddiema mhumiex kuntenti bl-atteġġjament ta’ Azzopardi fil-konfront tagħhom fosthom meta qed jintalbu jagħamlu xogħlijiet li ma humiex tagħhom.
Azzopardi jidher li fl-aħħar snin ingħata għadd ta’ promozzjonijiet biex illum jokkupa l-kariga ta’ Senior Foreman.
Ħaddiema għamlu ilment li qed issir diskriminazzjoni sfaċċata fir-rigward tas-sahra li ssir hekk kif ċerti ħaddiema jingħataw is-sahra iżda oħrajn, għaliex huma ta’ twemmin politiku Nazzjonalisti, kważi qatt ma hemm sahra għalihom.
Fl-Isptar Monte Carmeli qed jispikka wkoll xogħol bla ppjanar u l-ħala tal-flus. Dan l-aħħar sar ħafna xogħol ta’ żebgħa f’ċerti swali, iżda meta tlesta, il-kulur taż-żebgħa mogħti ma ntgħoġobx u x-xogħol kellu jerġa’ jsir mill-bidu.
Xogħol ieħor bla ppjanar serju kien dak ta’ kisi ta’ ħitan ta’ xi swali … xogħol mill-fondi tal-Fondazzoni Marygold. Id-data li suppost fiha kellu jitlesta x-xogħol kienet dik tas-26 ta’ Ottubru iżda ġara li meta x-xogħol kien kważi lest, xi ħadd ġibed l-attenzjoni li l-kanen f’din is-sala kienu kundannati!
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ il-mument urew ix-xewqa li permezz ta’ dan ir-rapport, l-awtoritajiet tal-isptar jieħdu l-passi meħtieġa biex min qiegħed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu, jieqaf immedjatament qabel l-affarijiet ikomplu jeskalaw.
//= $special ?>