Lokali

FILMAT: “Mingħajr il-ġurnaliżmu pajjiżna jkollu demokrazija fittizja” – Roberta Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola organizzat konferenza bit-tema tkun dik tal-ġurnaliżmu u s-sigurta'

“Is-sigurta’ tal-liberta’ tal-media qatt ma tista’ titlef il-valur u l-importanza – la llum, la għada, u lanqas fil-futur” – kliem il-Membru Ewroparlamentari Roberta Metsola f’diskussjoni politika li organizzat bit-tema tkun dik li qed tiddomina l-aħbarijiet f’pajjiżna – il-ġurnaliżmu miċ-ċittadin u l-isfidi tas-sigurta’.

Fid-diskors tal-għeluq tagħha wara l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ persuni distinti fil-qasam tal-media u s-sigurta’, Roberta Metsola qalet li rridu nibżgħu għall-ġurnaliżmu għax hu r-raba’ organu tal-istat li jissalvagwardja milli qatt f’pajjiżna jkollu demokrazija fittizja. Fi kliemha, Roberta Metsola qalet li l-ġurnaliżmu tissepara r-realta’ u l-fatti, mill-fittzju u l-fantażija. NET News attenda għal din l-attivita’ fejn ħa r-reazzjoni tal-Membru Ewroparlamentari Roberta Metsola dwar din it-tema’.

Roberta Metsola tindirizza l-konferenza

Fost id-diversi kelliema li indirizzaw lin-nies preżenti kien hemm l-avukat Antonio Ghio li tkellem dwar kif pajjiżna jrid iħares l-indipendenza tal-ġurnaliżmu. Tkellemu wkoll l-eks Editur ta’ The Times of Malta Laurence Grech u l-eks Kurunell fl-armata David Attard, dwar il-futur tal-ġurnaliżmu u l-isfidi tas-sigurta’.

Saret ukoll diskussjoni minn panel fejn mhux biss tkellmu l-mistiedna, iżda anke dawk li kienu preżenti għall-konferenza. Il-panel kien magħmul minn Herman Grech, Caroline Muscat, Matthew Vella, Claudia Taylor East, u Manuel Delia. F’din il-konferenza tkellmu wkoll Jacques Rene Zammit u Petra Caruana Dingli dwar il-pinna tal-ġurnalist fis-soċjeta’ tagħna.

Preżenti għall-attivita’ kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, flimkien mad-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, u Karl Gouder. Preżenti wkoll kien hemm l-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Casa, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, membri ta’ Occupy Justice, flimkien ma’ rappreżentanti u ġurnalisti ta’ kmamar tal-aħbarijiet.