Lokali

Fl-aħħar sentejn ma attenda għall-ebda laqgħa tal-bord tal-parole

Alex Sciberras – li hu kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali – ma attenda l-ebda laqgħa tal-bord tal-parole fl-aħħar sentejn. Minn 16-il laqgħa fl-2015, u 11-il-laqgħa oħra fl-2016 – Alex Sciberras ma kien preżenti fl-ebda laqgħa tal-bord tal-parole.

Din l-informazzjoni nkisbet minn mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalsita Carm Mifsud Bonnici f’mistoqsija lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia.

Alex Sciberras minbarra li hu kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-Partit Laburista fuq id-9 Distrett, hu wkoll il-Viċi Sindku attwali tal-Imsida u kif ukoll jiġi  t-tifel tal-Imħallef irtirat Philip Sciberras.

Il-ġurnal The Malta Independent għamlet kuntatt ma’ Alex Sciberras – fejn hu stqarr li normalment il-membri tal-bord jitħallsu €3,000 fis-sena bħala paga standard tal-bordijiet tal-Gvern. Madanakollu, hu stqarr li ma daħħal l-ebda pagament mill-2015 hekk kif il-paga hi relattiva għall-attendenza fil-laqgħat. Fl-istess waqt, hu stqarr li għamel talba biex jitneħħa minn membru tal-bord hekk kif ma jleħħaqx jattendi dawn il-laqgħat tal-bord tal-parole minħabba impenji oħra.