Is-sens komun għandu jipprevali. Kien dan il-kumment konklussiv taċ-Chairman tal-Air Malta u eks-Deputat Mexxej Laburista Charles Mangion hekk kif ġie ffirmat ftehim kollettiv għall-inġiniera tal-linja nazzjonali tal-ajru li jibqa’ validu għall-ħames snin li ġejjin.
Charles Mangion kien qed jirriferi dwar l-erba’ ftehim kollettiv li għad iridu jiġu konklużi u ffirmati sal-aħħar tas-sena. Fost dawn hemm il-ftehim mal-cabin crew kif ukoll mal-piloti li n-negozjati dwarhom għadhom għaddejjin.
Hu qal li għalkemm il-ħaddiema jridu l-aħjar għalihom, iridu jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll dak li għandha bżonn l-Air Malta. Dan il-kliem indirettament qalu b’mod speċjali lill-piloti, li qed jagħmlu talbiet ferm ogħla minn dak offrut mill-Gvern.
Fil-fatt, il-Ministru Konrad Mizzi, li wkoll kien preżenti għall-iffirmar, naqas milli jgħid f’liema punt waslu d-diskussjonijiet mal-union tal-piloti. Il-Ministru Mizzi biss li d-diskussjonijiet ikomplu u li jittama li l-ftehim magħhom ukoll jintlaħaq sal-aħħar tas-sena.
Sadattant qed tkun ikkunsidrata wkoll il-possibbiltà li jibdew jintużaw ajruplani iżgħar għal rotot iqsar, bi frekwenza ikbar.
//= $special ?>

