Futbol Sport

Illejla Replay Preview fid-9:35pm fuq Net Television – Id-derby tant mistenni bejn Valletta u Floriana

Din hija tmiem il-ġimgħa interessanti għall-futbol Malti hekk kif it-tnax-il ġurnata tal-Kampjonat Premier se tkun qed toffri bosta partiti diretti u li għandhom sinifikat partikolari għall-partitarji tal-futbol Malti minħabba r-rivalità li teżisti. Il-programm Replay Preview tal-lejla, il-Ġimgħa fid-9:35pm fuq Net Television se jkun qed iwassal programm speċjali u interessanti, b’aċċenn dwar il-partita tal-ġimgħa u li se tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej, Valletta kontra Floriana.

Bi produzzjoni ta’ Christian Micallef, f’Replay Preview tal-lejla se nkunu qed insegwu filmati tal-aħħar sessjonijiet ta’ taħriġ taż-żewġ timijiet rispettivi, kif ukoll kummenti tal-kowċis u plejers taż-żewġ naħat. Dan mhux kollox għaliex fil-programm tal-lejla se jkun hemm servizzi oħra interessanti b’rabta mal-konfront Valletta kontra Floriana. Se nsegwu dak li ġara fil-partiti riċenti bejn it-tnejn hekk kif Valletta llhom kważi sentejn ma jirbħu lil Floriana fil-Kampjonat Premier.

Il-partiti preċidenti bejn Floriana u Valletta

L-aħħar rebħa ta’ Valletta kontra r-rivali ġirien kienet fit-23 ta’ Jannar tal-2016 meta dak in-nhar, f’staġun li fiħ Valletta kienu eventwalment saru champions, rebħu 2-1 kontra Floriana. Dak in-nhar l-Arġentin Mauricio Ezequiel Villa kien fetaħ l-iskor minn penalty għal Floriana, b’gowl fl-ewwel taqsima iżda fit-tieni 45 minuta, Valletta dawwru kollox favur tagħhom. L-ewwel b’gowl tal-attakkant Brażiljan, Jhonnattan fid-69 minuta imbgħad b’gowl deċiżiv u tar-rebħa skorjat mis-sostitut Niġerajn, Uchenna Calistus Umeh erba’ minuti mit-tmiem tal-partita. Rebħa ta’ 2-1 għal Valletta li sal-llum, sena u għaxar wara, għadha l-aħħar rebħa li l-Beltin kisbu fuq Floriana.

L-aħħar rebħa ta’ Floriana kontra Valletta tmur lura għal jum l-Indipendenza tal-2016. Dak in-nhar, fl-ewwel partita tal-istaġun bejn Floriana u Valletta, Floriana ta’ Giovanni Tedesco jirbħu 2-0 kontra Valletta. Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Tedesco bħala kowċ f’dan id-derby. Floriana kienu fetħu l-iskor fit-32 minuta grazzi għal Amadou Samb u fid-69 minuta Fontanella rrdoppja għal 2-0. Wara dik il-partita kien hemm żewġ konfronti oħra bejn Floriana u Valletta u t-tnejn intemmu fi draw.

F’Replay Preview tal-lejla se jkun hemm ukoll servizz ieħor speċjali, ‘Eku tal-Passat’ tar-rivalità bejn Floriana u Valletta fis-snin 90 b’intervisti mal-eks membru tal-kumitat ta’ Floriana, Julian Holland u l-eks President ta’ Valletta, Joe Caruana Curran.

Matteo Piciollo u Kyrian Nwoko l-aqwa plejers għax-xahar t’Ottubru

Fil-programm tal-lum ikun hemm ukoll servizzi dwar il-partiti l-oħra ta’ tmiem il-ġimgħa fosthom id-derby tat-tramuntana bejn Naxxar Lions u Mosta li jintlagħab għada s-Sibt, kif ukoll servizzi dwar l-unuri tal-aqwa plejers għax-xahar t’Ottubru.

Il-presentazzjoni lill-plejer ta’ Valletta, Matteo Piciollo saret din il-ġimgħa fl-uffiċċji ta’ Videoslots.com miċ-Chief Operating Officer tal-kumpanija, Ulle Skottling.

Fil-każ tal-unur tal-plejer tax-xahar sponsorjat minn Videoslots.com ir-rebbieħ hu l-attakkant ta’ Valletta, Matteo Piciollo waqt li r-rebbieħ tal-aħjar plejer taħt it-23 sena sponsorjat minn Weetabix Protein, ir-rebbieħ hu Kyrian Nwoko ukoll ta’ Valletta.

L-attakkant żagħżugħ ta’ Valletta Football Club rebaħ dan l-unur wara li ġab l-akbar ammont ta’ voti f’votazzjoni fuq Facebook u li kienet waħda missielta bejn Nwoko u l-attakkant ta’ Birkirkara F.C., Luke Montebello. Ritratt ta’ Dominic Borg.

‘X’Sar Minnhom?’ ma’ J J Aquilina

Ikun hemm servizzi oħra interessanti, fosthom l-intervista ta’ kull ġimgħa, ‘X’Sar Minnhom?’ din il-ġimgħa mal-eks plejer internazzjonali Malti, ta’ Sliema Wanderers u Floriana, J J Aquilina kif ukoll servizz dwar il-Kampjonati l-oħra tal-MFA, b’aċċenn dwar il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni,

Replay Preview jixxandar illejla, il-Ġimgħa fid-9:35pm fuq Net Television u għandu presentazzjoni ta’ Sarah Agius. Christian Micallef hu l-moħħ ta’ dan il-programm u flimkien ma’ Stephen Chircop jipproduċu din il-produzzjoni sportiva b’differenza minn kwalunkwè programm ieħor sportiv u dwar il-futbol lokali f’Malta. George Cassar u Stewart Said huma parti mill-produzzjoni ta’ dan il-programm.

Ħajr speċjali lill-isponsors tal-programm: Cheeky Monkey Gastropub tal-Qawra, Cheeky Monkey Gastropub tal-Belt Valletta, Bavaria Lager Malta, 33 Lager Malta, Videoslots.com, Konica Minolta u Office Group, Floors Of Stone, Betsson Group, Lanutti u JetFreight LimitedLimited, Weetabix Protein, Go Sport Malta, Lynx u Malta Football Players Association.