Formula 1 Sport

Jintemm il-kampjonat tal-Formula 1 fi tmiem il-ġimgħa

Il-bidu tat-tiġrija ta' Abu Dhabi tas-sena l-oħra

Minkejja li t-titli huma deċiżi, il-Grand Prix ta’ Abu Dhabi xorta mistennija toffri taqtigħa tajba bejn diversi sewwieqa u timijiet. It-tiġrija se tibda fid-dawl tax-xemx u tispiċċa fid-dawl artifiċjali, tixbiha tajba għal tmiem l-istaġun.

Il-Mercedes u l-Ferrari mistennija jkollhom l-istess f’din it-tiġrija, dak li jirbħu. Lewis Hamilton se jkun qed ifittex li jagħlaq l-istaġun trijonfali tiegħu b’rebħa oħra wara d-diżappunti fil-Messiku u l-Brażil. Sieħbu Valtteri Bottas se jkun qed ifittex li jagħlaq l-istaġun tajjeb bl-għan li jipprova jispiċċa t-tieni fil-klassifika tas-sewwieqa.

Wara li naqas li jirbaħ il-kampjonat, Sebastian Vettel irid jirbaħ l-aħħar tiġrija filwaqt li Kimi Raikkonen irid juri li għad għandu l-kwalità biex jissielet. Max Verstappen hu wieħed mis-sewwieqa tal-mument iżda d-dubji dwar il-magna Renault jibqgħu hemm anki fl-aħħar tiġrija tal-istaġun. Daniel Ricciardo deher li kellu l-fortuna tat-tim fl-ewwel parti tas-sena, iżda jrid li jikser in-nuqqas ta’ podiums f’dan iċ-ċirkwit.

Felipe Massa jrid isellem il-Formula 1 bl-aħjar mod possibbli u jipprova jikseb riżultat pożittiv bħal dak tal-aħħar tiġrija f’pajjiżu. Fl-2014 hu kien spiċċa t-tieni wara Hamilton.

It-taqtigħa għas-sitt post fil-kampjonat tal-kostrutturi se jkun deċiż fl-aħħar tiġrija. Toro Rosso bħalissa għandhom 53 punt segwiti minn Renault b’49 punt u Haas li għandhom 47 punt. Fil-Brażil Toro Rosso u Renault kellhom argumenti bejniethom bl-isfida tkompli wara li Carlos Sainz ingħaqad ma’ Renault waqt l-istaġun.

Il-Britanniku George Russel hu determinat li jħalli impressjoni tajba meta din id-darba jsuq il-karozza ta’ Ocon fis-sessjoni libera, wara li fil-Brażil saq flok Sergio Perez u kien 0.6 ta’ sekonda biss tard minn Esteban Ocon.

Il-Pirelli ħadu magħhom tliet tipi ta’ tyres għal din it-tiġrija. Dawn huma t-tyres ultrasoft immarkati bil-vjola, it-tyres supersoft immarkast bl-aħmar, u l-P Zero immarkati bl-isfar. Is-sena l-oħra, l-istrateġija ta’ żewġ waqfiet kienu l-aktar favorevoli.

It-tiġrija hi importanti wkoll għas-sena d-dieħla hekk kif it-timijiet se jkollhom ċans li jagħmlu t-testijiet  tal-għażla vasta tat-tyres it-Tlieta u l-Erbgħa li ġej, bl-eċċezzjoni tat-tyres intermediate u wet minħabba li sa issa f’Abu Dhabi qatt ma kien hemm tiġrija bix-xita.

Il-provi uffiċjali jsiru għada fis-2.00pm ħin ta’ Malta, filwaqt li t-tiġrija ssir il-Ħadd ukoll fis-2.00pm ħin ta’ Malta.