Il-ġimgħa d-dieħla disa’ membri tal-Parlament Ewropew se jiġu Malta biex jiltaqgħu mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u jinvestigaw is-saltna tad-dritt f’Malta. Din id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għamlet stedina biex tiltaqa’ mall-Prim Ministru Joseph Muscat, mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, u maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fost oħrajn. Madanakollu, s’issa dawn il-laqgħat għadhom ma ġewx konfermati.
Waqt l-istess żjara, din id-Delegazzjoni Ewropea talbet biex tiltaqa’ ma’ numru ta’ ġurnalisti fosthom Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li nqatlet f’karozza bomba nhar is-16 ta’ Ottubru.
Net News jista’ jirraporta wkoll li saret talba minn dan il-grupp ta’ Ewroparlamentari biex jiltaqgħu mal-intermedjarji li kienu involuti direttament fl-iskandlu tal-Panama Papers – jiġifieri ma’ rappreżentanti ta’ Nexia BT u Pilatus Bank.
Id-disa’ delegati Ewropej mistennija jagħmlu jumejn sħaħ ta’ laqgħat f’pajjiżna – fejn jaslu Malta nhar il-Ħamis 30 ta’ Novembru, u l-għada l-Ġimgħa jkomplu jiltaqgħu mal-partijiet konċernati. Din l-investigazzjoni, qed issir wara li l-Parlament Ewropew għadda reżoluzzjoni b’vot qawwi favur studju dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, filwaqt li talab li ssir investigazzjoni serja fuq l-iskandlu tal-Panama Papers u l-bank involut, Pilatus Bank.
F’dawn il-jumejn f’Malta, d-delegazzjoni Ewropea għamlet talba biex tiltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ organizazzjonijiet li jaħdmu kontra l-korruzzjoni – bħal Occupy Justice, Civil Society Network u Advocates for the Rule of Law. Sar tentattiv ukoll biex dawn id-disa’ Ewroparlamentari jiltaqgħu mal-Financial Intelligance Analysis Unit (FIAU), Malta Financial Services Authority (MFSA), u mal-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
L-aħħar li ġiet f’Malta delegazzjoni Ewropea biex tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha, il-Kumitat PANA kien irrapporta li b’dispjaċir numru ta’ awtoritajiet Maltin ma kooperawx ma’ din l-istituzzjoni Ewropea. Dan hekk kif fost l-oħrajn, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ltaqgħax magħhom – filwaqt li ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kien avża li hu indispost ħames minuti biss qabel kellha tibda l-laqgħa.
Dawn id-disa’ delegati tal-Parlament Ewropew huma: Kap tad-Delegazzjoni Ana Gomes (S&D), il-Koordinatur tal-PANA Sven Giegold (Greens/ALE), Co-Rapporteur Jeppe Kofod (S&D), Heinz Becker (EPP), Monica Macovei (ECR), Takis Hadjigeorgiou (GUE), Mario Borghezio (ENF), u żewġ membri oħra minn partiti differenti f’isem ALDE u l-EFDD.
//= $special ?>