Futbol Sport

Rebħa meritata għat-tim Karkariż

Ryan Scicluna u Mislav Andelkovic jissikkaw lil Martin Davis (Ritratt: Jonathan Bugeja)

Rapport: James Aaron Ellul

BIRKIRKARA……………….2

ST. ANDREWS……………..0

Birkirkara: P. Schranz, E. Herrera, M. Klein, M. Landry, N. Vukanac, R. Scicluna, M. Andelkovic (L. Cremona 70’), J. Grech, C. Da Silva, L. Montebello (R. Camenzuli 80’), F. De Oliveira (A. Nilsson 67’)

St. Andrews: M. Calleja Cremona, E. Pena Beltre, A. Borg, A. Friggieri (M. Grima 67’), T. Azian, K. Butler (D. Jackson 59’), R. Martin, J. Farrugia, J. Walker, M. Davis, T. Blagrove

Imwissija: T. Azian 14’, R. Martin 42’, D. Jackons 69’ (S), N. Vukanac 42’, M. Landry 59’ (B)

Skorjaw: M. Klein 61’, L. Montebello 79’ (B)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, William Debattista

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Carlos Alberto Da Silva (Birkirkara)

Attendenza: 180

Partita bi ftit azzjonijiet denji, li naqset milli tagħti spettaklu lil dawk preżenti tneħħi biss l-azzjonijiet tal-gowls. Birkirkara madanakollu kienu l-aktar tim li ħoloq opportunitajiet quddiem il-lasta bi ftit li xejn reazzjonjiet minn St. Andrews.

Akkost dan kollu rajna t-tim ta’ Birkirkara kompost u b’saħħtu f’kull pożizzjoni fejn ħa l-logħba pass pass biex finalment irnexxielu jikseb rebħa tant importanti. Rebħa li tista’ tgħid resqithom aktar lejn in-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

L-ewwel azzjoni tal-partita waslet wara ħames minuti logħob minn korner ta’ Birkirkara, De Oliveira naqas milli jikkonverti. Kwarta wara korner mill-ġdid b’daqqa ta’ ras din id-darba minn Klein ma tkunx tal-ebda periklu. Minuta wara, xutt fjakk minn Grech ma jkun xejn ta’ periklu għal Calleja Cremona.

Tnejn u tletin minuta logħob, Birkirkara jibqgħu fuq l-offensiva, b’azzjoni minn Da Silva fejn iqassam lil De Oliveira iżda b’xutt fjakk naqas milli jieħu vantaġġ mill-azzjoni, b’Calleja Cremona jaqbad il-ballun faċilment.

Il-Karkariżi baqgħu fuq l-offensiva u minuta wara kienu ftit perikolużi b’xutt minn Montebello jgħaddi barra. L-istess Montebello fid-39 minuta naqas milli jikkonverti bil-ballun jgħaddi mill-ġdid barra. Ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, Grech antiċipa lil Montebello iżda x-xutt tiegħu għadda barra.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet minn St.Andrews fit-48 minuta b’ballun minn Martin lejn Friggieri, bl-istess plejer ma joħloq l-ebda periklu lejn il-lasti Karkariżi.

Mas-siegħa logħob l-ewwel azzjoni denja sarrfet f’gowl hekk kif Birkirkara fetħu l-iskor minn korner mogħti minn Da Silva li xeħet il-ballun fuq Martin KLEIN li b’daqqa ta’ ras sab żblokk fid-difiża ta’ St. Andrews.

Għaxar minuti wara l-Istripes għalqu l-logħba. Kien Da Silva li mix-xellug qassam lejn Luke MONTEBELLO li b’xutt mill-ewwel u mill-isbaħ kabbar l-iskor.