Atletika Sport

Tiżdied is-sentenza ta’ ħabs għal Oscar Pistorius

Is-sentenza ta' ħabs ta' Oscar Pistorius żdiedet (Ritratt: EPA)

Is-sentenza ta’ ħabs għal Oscar Pistorius talli qatel lit-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp żdiedet minn sitt snin għal 13-il sena u ħames xhur. Il-Qorti Superma tal-Afrika ta’ Isfel żiedet is-sentenza wara li l-istat argumenta li s-sentenza oriġinali kienet laxka wisq.

L-atleta ma kienx fil-qorti għad-deċiżjoni. Il-qorti tat is-sentenza minima ta’ 15-il sena li wieħed jeħel għal qtil fl-Afrika ta’ Isfel, biż-żmien li Pistorious għamel diġà jitnaqqas mis-sentenza. Pistorius kien daħal il-ħabs f’Lulju tas-sena l-oħra, wara li kien instab ħati fl-appell tal-qtil ta’ Steenkamp f’Jum San Valentinu fl-2013.

Fil-passat, is-sitt darbiet champion Paralimpiku, kien daħal fl-istorja meta sar l-ewwel sprinter b’saqajn artifiċjali li jikkompeti fl-Olimpjadi. Hu kien ħa sehem fl-2012 f’Londra. Hu kellu saqajn maqtugħa meta kien għadu tarbija.