Lokali

Pollakka tweġġa gravi f’inċident tat-traffiku f’Tas-Sliema

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Pollakka ta’ 51 sena sofriet ġrievi gravi wara li ntlaqtet f’inċident tat-traffiku.

Kien għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ dalgħodu, li l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku , bil-konsegwenza li sfat milqutha mara, f’ The Strand, Tas-Sliema.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post u minn stħarriġ li sar, irriżulta li seħħ inċident bejn vettura tat-tip Nissan March li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 27 sena residenti ż-Żurrieq u vettura Hyundai I30 li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 55 sena residenti l-Imsida. B’konsegwenza ta’ dan l-inċident sfat milqutha Pollakka ta’ 51 sena u li tirrisjedi Tas-Sliema.

Fil-post issejħet ambulanza biex tieħu lill-Pollakka l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.