Lokali Qorti

3 snin ħabs wara li nganna lil Silvio Parnis

Ir-raġel, li ammetta l-akkużi kontrih, qal lill-Qorti li għandu problema ta' drogi. Kien qed juża isem Silvio Parnis biex jinganna ħanut tad-drapp

Keith Felice ta’ 28 sena ntbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta akkużi ta’ frodi u misappropjazzjoni f’diversi okkażjonijiet matul ix-xahar ta’ Novembru ta’ din is-sena.

Il-Qorti semgħet kif iż-żagħżugħ, impjegat bħala messaġġier fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Silvio Parnis, kien qed jinganna lill-ħanut JB Stores tal-Iklin meta kien imur hemmek jakkwista materjal b’qerq u ngann daqslikieku f’isem is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.

Apparti minn hekk, jirriżulta li ż-żagħżugħ kien qed ibiegħ l-istess materjal u jagħmel il-qliegħ minnu. Filfatt, permezz ta’ dan l-ingann, hu għamel qliegħ ta’ madwar EUR 5,000.

Il-Qorti semgħet kif iż-żagħżugħ għandu problemi ta’ abbuż ta’ droga tant li kien anke mkeċċi mid-dar. Filfatt, hu qal lill-Qorti li fil-lejl qabel ma nqabad mill-Pulizija, l-akkużat raqad barra.

Kien wara l-ammissjoni taż-żagħżugħ stess li l-Qorti ddikkjarat li kienet qed issibu ħati tar-reati li tressaq akkużat bihom. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Scerri Herrera wissiet lill-ħati biex jieħu l-priġunerija bħala opportunita’ biex jirriforma ruħu.

Sadanittant, il-Qorti rrakkomandat ukoll lid-Direttur tal-Ħabs biex jgħin lill-imputat jindirizza l-problema tad-droga. Min-naħa tiegħu, l-akkużat iddikjara li mhux se jappella mis-sentenza.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Yvonne Farrugia filwaqt li l-imputat kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana.

Uffiċjal fis-Segretarjat Privat ta’ Silvio Parnis akkużat bi frodi