Lokali

Appell biex it-tfal fl-iskejjel jiġu mgħallma kontra l-vjolenza domestika – MNPN

Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) fi stqarrija qal li jikkundanna kull tip ta’ vjolenza domestika, filwaqt li jagħti l-appoġġ assolut lil dawk il-familji li għaddejjin minn din il-vjolenza.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Vjolenza Domestika, iċċelebrat madwar id-dinja fil-25 ta’ Novembru, l-MNPN qal li l-familja għanda tkun in-nukleu ta’ paċi u serenità, fejn ħadd m’għandu taħt stat ta’ biża’ fejn l-ulied iħossu l-imħabba tal-ġenituri.

“Għalhekk nappellaw lill-Gvern biex fl-iskejjel, it-tfal jiġu mgħallma kif għandhom jibnu u jgħixu f’ambjent ta’ familja, imma b’mod speċjali nħeġġu lil dawk li qed ikunu abbużati, speċjalment lin-nisa – għaliex sfortunatament 98% tal-każi tal-vjolenza domestika ssir fuq il-mara – biex ma jibżgħux u jfittxu l-għajnuna li qed toffri l-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.