Lokali

Baħri jinqabad f’magna fuq bastiment ‘il barra minn Marsaskala

Raġel ta’ 47 mir-Russja ġarrab ġrieħi serji meta ċima li kien qed jorbot fuq bastiment, għal xi raġuni daret miegħu bil-konsegwenza li nqabad fil-magna li tiġbed il-ħbula.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-7.30pm waqt li kien fuq bastiment li kien jinsab madwar 9.7 mili nawtiċi ‘l barra minn Żonqor Point, Marsaskala.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kien dak il-ħin li l-Pulizija ġiet infurmata li raġel kien weġġa’. Hu ttieħed l-isptar Mater Dei għall-kura permezz ta’ ħelikopter u aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace li ordnat li ssir inkjesta waqt li ħatret diversi esperti biex jassistuha. Dan filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.