Lokali

Bħal-lum 30 sena: Dokument kruċjali ta’ Reagan dwar Malta … meta innormalizza r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ Malta

Feature speċjali li ħareġ illum fil-gazzetta in-Nazzjon, minn Victor Camilleri

Bħal-lum 30 sena ilu – il-25 ta’ Novembru, 1987 – il-President tal-Istati Uniti Tal-Amerika, Ronald Reagan, ħareġ direttiva (NSDD289) biex iwaqqa’ direttiva oħra dwar Malta li kien ħareġ fi Frar tal-1986 (NSDD213).

Fl-ewwel direttiva ta’ Frar 1986, Reagan kien iddefinixxa x’kellha tkun il-politika tal-Gvern Amerikan dwar Malta invista ta’ dak li kien qed iseħħ f’pajjiżna taħt il-Gvern Laburista, kemm fil-politika barranija b’rabtiet mill-qrib mal-Libja u l-blokk Sovjetiku, kif ukoll fil-politika interna iddominata minn stil dejjem aktar awtoritarju u “l-assalt fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ Malta”.

F’dik id-direttiva, Reagan kien ta struzzjonijiet biex l-Amministrazzjoni tiegħu tilqa’ u tirreaġixxi għat-tmexxija Laburista. Fost l-oħrajn, Reagan kien inkoraġġixxa l-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista u għal dawk li fl-MLP kienu juru tendenzi demokratiċi.

Fid-direttiva ta’ bħal-lum 30 ena ilu, Reagan jistqarr li ċ-ċirkustanzi f’Malta kienu nbidlu b’mod li kien jeħtieġ reviżjoni tal-politika Amerikana lejn pajjiżna kif kienet spjegata fid-direttiva ta’ Frar 1986.

Din it-tieni direttiva – kważi sentejn wara l-ewwel waħda – kienet riżultat tal-mod kif kien qed imexxi l-Partit Nazzjonalista fil-gvern wara li rebaħ l-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 1987, immexxi minn Eddie Fenech Adami. Sitt xhur wara dik l-elezzjoni, il-President Reagan ħassu f’qagħda li seta’ jinnormalizza r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ Malta.

Dawn (hawn taħt) huma l-erba’ paġni tad-Direttiva (NSDD 213) iffirmata mill-President Ronald Reagan fit-12 ta’ Frar, 1986. Din id-direttiva tiddefinixxi l-politika Amerikana lejn Malta li kienet qed toqrob dejjem aktar lejn il-Libja, il-blokk Sovjetiku u l-Korea ta’ Fuq. Fl-istess ħin il-Gvern Laburista kien miexi b’politika awtoritarja. Fid-direttiva Reagan jgħid li wieħed mill-objettivi kien li “jiskoraġġixxi l-assalt tal-Gvern (Malti) fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi” waqt li jinkoraġġixxi appoġġ għall-Partit Nazzjonalista u għal dawk fl-MLP li kienu inklinati lejn id-demokrazija. Il-politika barranija tal-Labour kienet teħtieġ monitoraġġ kontinwu Amerikan u dan id-dokument hu wirja ċara ta’ sfiduċja fil-mod kif kien qed imexxi l-Labour.