Futbol Sport

Ħamrun b’saħħithom wisq għal Lija

Cristian Zaccardo jipprova jbiegħed il-periklu (Ritratt: Jonathan Bugeja)

Rapport: Keane Cutajar

LIJA A……………..1

ĦAMRUN S……..5

Lija: L. Bonnici, P. Babic, P. Borg, D. Scerri, L. Muscat, LJ. Schembri (N. Spiteri 86’), R. Kooh Sohna, A. Bello Osagie, C. Cassar (A. Galea 82’), E. Beu, D. Leeflang (A. Sammut 86’)

Ħamrun: S. Sultana, T. Souza, D. Zerafa, M. Criaco (T. Caruana 73’), T. Agius, C. Zaccardo, D. Succi, T. Espindola (A. Sicali 84’), A. Faria (F. Marino Clavero 41’), L. Sciberras, L. Micallef.

Imwissija: P. Babic 36’, C. Cassar 47’, A. Bello Osagie 90’ (L), C. Zacardo 38’, L. Micallef 40’ (Ħ)

Skorjaw: E. Beu 32’ (L) M. Criaco 7’, 70’, L. Sciberras 15’, D. Succi pen 37’ C. Zaccardo 78’ pen. (Ħ)

Referee: Eman Grech

Assistant Referees: Mitchell Scerri, Dusan Petrovic

Il-Mument Plejer tal-logħba: Marco Criaco (Ħamrun)

Ħamrun kellhom il-kontroll sa mill-ewwel sekondi tal-partita u sarrfu l-pussess tagħhom f’ħames gowls, f’partita fejn anke rajna żewġ penalties u żewġ debutti għall-Ħamrun.

Nieqes mill-ewwel ħdax kienu Dale Camilleri u l-captain Triston Caruana li kien fuq il-bankina. Il-faxxa intlibset minn Daniel Zerafa u fin-nofs daħal lura fit-tim Terence Agius. Sultana beda bejn il-lasti flok l-imweġġa’ Galea u rajna d-debutt ta’ Davide Succi u Marco Criaco fil-kampjonat Malti.

Fuq in-naħa l-oħra, Lija kienu mingħajr il-kowċ tagħhom fuq il-bankina u rritorna għalihom Erjon Beu li niżżel ismu mal-iskorers bl-uniku gowl tal-Athletic. It-tim ta’ Jacques Scerri meritatament rebaħ it-tliet punti biex baqgħu komdi f’nofs il-klassifika b’erba’ punti fuq ta’ taħthom u mhux bogħod minn ta’ fuqhom.

Ħamrun fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tagħhom wara biss seba’ minuti. Lydon Micallef daħal tajjeb fil-kaxxa mil-lemin u tefa’ ballun perfett lejn Marco CRIACO. Dan tal-aħħar ma żbaljax u tefa’ fix-xibka biex skorja fid-debutt. Fir-risposta ta’ Lija, LeeJoe Schembri tefa’ ftit barra erba’ minuti wara.

Luke SCIBERRAS għamilhom tnejn għal Ħamrun wara kwarta logħob wara li venven xutt minn quddiem il-lasta ta’ Luke Bonnici. Cristian Zaccardo resaq viċin ħames minuti wara iżda falla l-miri bi ftit meta ittanta xortih fuq id-dawra minn ġol-kaxxa ż-żgħira.

Kontra x-xejra tal-logħob, Lija naqsu d-distakk. Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, Erjon BEU tefa’ f’xibka vojta wara xogħol siewi ta’ sieħbu. Ftit wara għal ftit ma ġabux id-draw. Raphael Kooh Sohna daħal tajjeb però minn pożizzjoni ftit angolata waħdu ma’ Steve Sultana falla l-mira.

Minuta wara Eman Grech saffar għal penalty meta Predrag Babic deher imiss il-ballun bidu fil-kaxxa. Mill-11-il metru d-debuttant Davide SUCCI ma żbaljax. Succi seta’ għamilhom tnejn personali ftit qabel it-tisfira ta’ tmiem l-ewwel taqsima iżda meta ġie waħdu ma’ Bonnici qabbeż fuq il-lasta.

CRIACO għaqqad id-doppjetta personali u erba’ għall-Ispartans hekk kif kien fadal 20 minuta logħob b’xutt b’saħħtu li spara għal wara Bonnici. Fis-77 minuta, Ħamrun ingħataw penalty ieħor din id-darba wara li Patrick Borg mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-penalty l-internazzjonali Taljan Cristian ZACCARDO ma żbaljax biex għamilhom ħamsa b’wieħed. Micallef kien żvinturat li laqat il-mimduda tliet minuti wara, meta daħal tajjeb mix-xellug, b’ċans tajjeb li jagħmilhom sitta.