Knisja Lokali

“Il-vjolenza fid-dar hija epidemija siekta li qed therri l-għaqda fil-familja u tifrex aktar vjolenza fis-soċjetà.” – Mons. Mario Grech

"Il-vjolenza fid-djar qisha epidemija siekta li qiegħda tmarrad fiżikament u mentalment lill-vittmi, therri l-għaqda fil-familja u tifrex aktar vjolenza fis-soċjetà."

“Għal ħafna mill-familji tagħna d-dar hija post ta’ mistrieħ u għożża fejn wieħed iħossu mkennen mill-istorbju u l-perikli tal-ħajja; imma għal oħrajn l-esperjenza tad-dar taf tkun ħolma kerha minħabba l-abbuż li jġarrbu fil-familja stess. In-nisa miżżewġa huma l-akbar kategorija li tbati minħabba din il-vjolenza domestika; imma magħhom hemm ukoll l-ulied, u f’sens wiesa’ nistgħu ninkludu wkoll lill-anzjani u lill-persuni vulnerabbli, bħalma huma l-morda jew persuni b’diżabbiltà.”

Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech fl-ittra Pastorali bl-isem ‘Il-Pjaga tal-Vjolenza Domestika’. Ittra li nħarġet fil-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika fuq in-Nisa. Mons. Grech qal li l-vjolenza fid-dar, fil-post fejn suppost issaltan l-għaqda tal-familja, qed tkun dik fiżika, sesswali, psikoloġika, verbali, emozzjonali, finanzjarja, kif ukoll morali u spiritwali.

Intqal li ħafna drabi l-aggressur juża l-vjolenza biex mingħalih juri kemm huwa b’saħħtu u jikseb ħakma fuq il-vittma. Dan jagħmlu biex jieħu dak li jrid għalhekk jgħajjat, jumilja, jgħajjar, jhedded, ibaxxi, isawwat, ibeżża’, ixewwex, jigdeb, u l-bqija. Fi kliem ieħor, jipprova jneżża’ mid-dinjità umana tagħha lill-persuna li suppost ikun iħobb.

L-Isqof t’ Għawdex qal li l-persuna vittma għandha tingħata l-għajnuna biex toħroġ minn din ix-xorta ta’ jasar, iżda wkoll daqstant ieħor l-aggressuri għandhom bżonn tal-għajnuna, għax bil-kliem u l-atteġġjamenti abbużivi jikxfu li għandhom problema serja fil-personalità tagħhom.

Il-fatt li ma tantx nisimgħu b’inċidenti bħal dawn ma jfissirx li fostna ma hawnx min huwa kkalzrat f’daru stess. Fil-fatt, il-vjolenza fid-djar qisha epidemija siekta li qiegħda tmarrad fiżikament u mentalment lill-vittmi.

B’referenza lejn il-mentalità tal-passat dwar is-superjorità tar-raġel, fejn il-mara trid tbaxxi rasha għall-ordnjiet tar-raġel, huwa qal b’xorti ħażina l-kultura għadha tostor dan l-abbuż. Mhux minnu li meta mara tiddenunzja lil żewġha, hi tkun qed tittradixxi l-imħabba jew tkun qed tikser xi wegħda taż-żwieġ. Lanqas ma huwa korrett min jirraġuna li l-mara għandha tissaporti l-abbuż fid-dar biex ma tkunx kawża ta’ tifrik tal-familja. Anzi, il-vjolenza domestika tista’ tkun raġuni biex żwieġ ikun iddikjarat null kemm fil-Qrati Ċivili u kemm fit-Tribunali tal-Knisja.

Mons. Grech qal li jkun qed isir abbuż mit-twemmin Nisrani min jipprova juża l-Bibbja biex jiġġustifika din il-vjolenza, bħal fil-każ ta’ min jirreferi għal dak li jikteb San Pawl fl-Ittra lill-Efesin: “Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel huwa ras ilmara” (5:22). Hawnhekk San Pawl bl-ebda mod ma qiegħed jgħid li r-raġel huwa dominanti fuq il-mara; għall-kuntrarju, l-Appostlu jeżorta lill-irġiel miżżewġa biex iħobbu lil marthom bħalma Kristu jħobb lill-Knisja.

L-Isqof tenna li jagħmel ħażin min mhux jipprova jagħmel minn kollox biex joħroġ minn din il-qagħada, magħha m’għandhiex iġġorr din il-ħtija morali. Il-vittmi għandhom iqumu fuq saqajhom, isibu l-kuraġġ u t-tama biex joħorġu mill-vjolenza domestika. Huma jafu li ħadd u xejn m’hu se jiġġustifika l-vjolenza domestika fuq l-ebda persuna. Il-vjolenza domestika hija dnub u reat kriminali.

F’appell f’għeluq l-ittra pastorali Mons. Grech qal lil dawk kollha li b’xi mod għandhom mezz biex iwasslu dan il-messaġġ u jgħallmu fuq din ix-xorta ta’ moħqrija u pjaga li jġarrbu l-vittmi u anke sa ċertu punt l-aggressuri. Huwa ħeġġeġ lil dawn biex isibu l-paċenzja u jisimgħu lill-vittmi u jgħinuhom billi jirreferuhom lil persuni mħarrġa fil-counselling u l-psikoterapija biex ikunu jistgħu jgħinuhom fil-proċess tal-fejqan.