Futbol Sport

Inter momentarjament fil-quċċata tas-Serie A

Mauro Icardi jiftaħ l-iskor favur Inter fl-ewwel taqsima (Ritratt: EPA)

Inter telgħu momentarjament fil-quċċata tas-Serie A meta għelbu lil Cagliari 3-1 f’Sardenja f’logħba diffiċli. Cagliari kellhom prestazzjoni tajba speċjalment fl-ewwel parti tal-logħba, iżda meta Inter fetħu l-iskor, huma naqsu r-ritmu.

Inter marru fil-vantaġġ fid-29 minuta meta minn kross ta’ Antonio Candreva, Ivan Perisic qassam lura lejn MAURO ICARDI li mattar saqajh u skorja mill-viċin. In-Neroazzuri rduppjaw fil-55 minuta b’gowl tas-sostitut MAURO BROZOVIC.

Cagliari reġgħu daħlu fil-logħba fil-71 minuta b’gowl sabiħ ta’ LEONARDO PAVOLETTI li ħalla lil Handanovic iħares b’xutt mill-ewwel. Madankollu Inter għalqu l-logħba fit-83 minuta b’MAURO ICARDI jieħu vantaġġ minn inċertezza ta’ Rafael u jiskorja b’xutt fil-baxx.

Bologna rnexxielhom jitilgħu momentarjament fis-seba’ post wara li waqqfu lil Sampdoria 3-0 fi Stadio Renato dell’Ara. Huma fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta xutt fil-baxx ta’ Mattia Destro kien salvat parzjalment minn Viviano, b’Simone Verde jiskorja mir-rebound.

L-iskor sar 2-0 fit-23 minuta meta minn korner mil-lemin, daħal tajjeb Ibrahim Mbaye li skorja b’daqqa ta’ ras b’saħħitha. Bologna kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas qabel tmiem l-ewwel taqsima meta tkeċċa Vasilios Torosidis. Madankollu Bologna għalqu l-logħba fit-73 minuta b’azzjoni tajba ta’ Gonfred Donsah li qassam lejn Okwonkwo li minn pożizzjoni dubjuża għeleb lil Viviano.

Fil-logħbiet l-oħra, Chievo u Verona kisbu rebħiet importanti fuq Spal u Sassuolo rispettivament. Awto-gowl ta’ Bostjan Cesar fis-17-il minuta poġġa lil Spal fil-vantaġġ, iżda doppjetta ta’ ROBERTO INGLESE fis-66 u fil-81 minuta dawru r-riżultat favur it-tim ta’ Maran.

Verona rebħu 2-0 f’konfront taż-żona relegazzjoni. BRUNO ZUCULINI fetaħ l-iskor fit-23 minuta biex tmien minuti wara DANIELE VERDE rdoppja. Verona komplew il-logħba b’raġel anqas fis-67 minuta meta tkeċċa Thomas Heurtaux iżda rnexxielhom iżommu l-vantaġġ.