Lokali

“Jekk immur lura Malta, joqtluni” – Il-whistleblower ta’ Egrant

Anke l-eks investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris qed jibża' li jinqatel

“Jekk immur lura Malta, ma ndumx wisq ħajja”. Hekk qalet il-whistleblower ta’ ‘Egrant’ f’kummenti mal-gazzetta Ingliża ‘The Times’.

Il-whistleblower Russa, Maria Efimova, kienet taħdem Pilatus Bank meta kienet qalet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li rat dokumenti li jikkonfermaw li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Daphne Caruana Galizia, li nqatlet f’karozza-bomba aktar minn xahar ilu, kienet allegat ukoll li fil-kumpanija Egrant daħlu mal-miljun dollaru mill-Ażerbajġan.

Ma’ The Times tal-Ingilterra, il-whistleblower irrakkuntat dak li għaddiet minnu, fosthom dwar il-mod kif tkeċċiet mill-impjieg tagħha ma’ Pilatus Bank għaxart ijiem biss wara li heddithom li tmur tirrapporta kollox lill-FIAU – l-aġenzija Maltija ta’ kontra l-frodi.

Bħalissa l-whistleblower Russa tinsab maħruba minn Malta, b’rapporti jgħidu li ħarbet peress li kienet qed tibża’ għal ħajjitha. Riċentament, ma’ The Sunday Times ta’ Malta, il-whistleblower qalet li kienet ħarbet għas-sigurtà tagħha, u li Daphne Caruana Galizia kien messha għamlet l-istess.

Sadanittant, The Times tal-Ingilterra tkellmet ukoll ma’ Jonathan Ferris, l-eks investigatur tal-FIAU li tkeċċa mix-xogħol tiegħu ftit wara li bdew ħerġin dettalji dwar ir-rapporti tal-FIAU li jikkonfermaw ħasil tal-flus mill-ogħla uffiċjali tal-Gvern.

Ma’ The Times tal-Ingilterra Ferris qal li anke hu qed jibża’ għal ħajtu, iżda żied li għamel pjanijiet biex f’każ li jinqatel, l-informazzjoni kollha li għandu toħroġ fil-pubbliku.