Lokali

L-MEA rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea

L-MEA daħlet għal European Enterprise Promotion Awards bi proġett li kien abbinat mal-programmi li qed ittella’ fuq l-istazzjon nazzjonali. F’dan il-proġett inħolqu l-karattri ta’ Gianni u Katrina; li jiftħu negozju u jiffaċċjaw sitwazzjonijiet tipiċi ta’ negozji ġodda u anki dawk stabbiliti. Dawn is-sitwazzjonijiet kienu kollha indirizzati f’iktar minn 90 programm imtella’ mill-MEA fuq it-televizjoni.

Fi stqarrija huma qalu li dawn il-programmi ġibdu l-għajnejn tal-ġurija Ewropea, bil-proġett tal-MEA jintgħażel flimkien ma’ tlieta oħra minn fost mijiet ta’ proġetti minn madwar l-Unjoni Ewropea.

Fl-istess stqarrija l-MEA qalet li kienet diġà rċeviet dan l-unur fl-2015, u li dan jagħmilha l-uniku organizzazzjoni li qatt ġiet rikonoxxuta darbtejn kemm ilhom li twaqqfu dawn it-tip ta’ unuri mill-EEPA.

L-attività saret f’sit ta’ power station antika f’Tallinn fl-Estonja fejn għadd ta’ inizjattivi oħra ġew rikonoxxuti.

Kull sena, bord ta’ ġurija jiġi appuntat biex jiddeċiedi liema kienu l-aqwa proġetti fost mijiet li jiġu sottomessi f’diversi kategoriji minn organizzazzjonijiet Ewropej.