Futbol Sport

Milinceanu jiddeċiedi d-derby tax-Xatt fl-aħħar minuta

Andrew Cohen jipprova jevita d-daħla ta' Peter Xuereb (Ritratt: Martin Agius)

Rapport: George Cassar

SLIEMA W……2

GŻIRA U……….1

Sliema: G. Zammit, J. Mintoff, R. Correa, G. Adamovic, N. Gavric, M. Sansone (G. Aquilina 87’), M. Muchardi, P. Xuereb, E. Agius (F. Qeros 46’), F. Temile (R. Spiteri 92’), N. Milinceanu

Gżira: A. Curmi, G. Muir, S. Borg, C. Gatt Baldacchino, Tony (L. Brincat 91’), Moises, R. Briffa, A. Cohen (Z. Scerri 89’), J. Corbolan (S. Tounkara 59’), N. Okoye, A. Samb

Skorjaw: N. Okoye 9’ (G), J. Mintoff 43’, N. Milinceanu 90’ (S)

Imwissija: A. Cohen 45’, A. Samb 52’, C. Gatt Baldacchino 66’ (G), N. Gavric 71’, F. Temile 77’ (S)

Referee: Glenn Tonna

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Ryan Aquilina

Il-Mument Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (Sliema Wanderers)

Id-Derby tax-Xatt ġie deċiż favur Sliema Wanderers bl-aħħar xutt tal-logħba ta’ Nicolae Milinceanu. L-ewwel derby minn erbgħa fi tmiem il-ġimgħa fil-Premier kien wieħed bilanċjat bi Sliema jkunu aħjar fl-aħħar għoxrin minuta u ħadu dak li riedu biex issa qegħdin biss punt taħt l-istess Gżira. Id-dwell bejn il-ġirien ħoloq entużjażmu f’Kordin bil-partitarji ta’ Gżira jkunu iktar numerużi u iktar attrezzati bil-banda tagħhom tieqaf iddoqq biss fil-mument li sofrew il-gowl tat-telfa.

Wara kważi għaxar minuti, Gżira marru minn fuq meta minn korner ta’ Andrew Cohen, id-daqqa ta’ ras ta’ Amadou Samb kienet imwaqqfa mill-gowlkiper Glenn Zammit u l-mimduda, iżda Ndubisi OKOYE kien qrib u kompla għal ġewwa bir-ras. Qrib in-nofs siegħa logħob Gżira appellaw darbtejn għal penalty għal allegati handsballs fil-kaxxa mid-difensuri Slimiżi Nikola Gavric u Goran Adamovic, iżda r-referee Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej fiż-żewġ episodji.

Żewġ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima Sliema għamlu l-iskor indaqs meta l-kross mil-lemin ta’ John MINTOFF qarraq għal kollox bil-gowlkiper Anthony Curmi li ħareġ jantiċipa lil Matias Muchardi, iżda l-ballun baqa’ dieħel ħelu ħelu ġox-xibka mingħajr ma missu ħadd minnhom.

Fit-tieni taqsima l-aħjar ċansijiet kienu ta’ Sliema bl-aħħar wieħed jispiċċa fix-xibka. Kwarta mit-tmiem, id-daqqa ta’ ras ta’ Gavric kienet miżmuma qabel il-linja tal-gowl minn Andrew Cohen. Għaxar minuti mit-tmiem Curmi salva tajjeb ix-xutt b’saħħtu ta’ Michele Sansone li reġa’ għamilha fil-formazzjoni inizjali.

Il-gowl deċiżiv wasal ftit sekondi qabel skorrew id-disgħin minuta meta Gabriel Aquilina, li kien ilu biss żewġ minuti fil-grawnd, ta pass mix-xellug lil Nicolae MILINCEANU li ġab il-ballun favur siequ u skorja fil-baxx tar-rokna xellugija ta’ Curmi.

Dan il-gowl sikket lill-partitarji ta’ Gżira u qajjem lil dawk Slimiżi li meritatament ċapċpu lill-plejers tagħhom mhux biss ta’ dan ir-riżultat iżda wkoll ta’ dan l-istaġun li s’issa kien ogħla mill-aspettattiva.