Lokali Qorti

Pastor Gordon Manche ried iwaqqaf “Min imissu”

Miċħud mandat ta’ inibizzjoni biex jitwaqqaf l-ispettaklu

L-ispettaklu “Min imissu” se jkompli illejla u għada kif skedat. Dan wara li l-Qorti ċaħdet talba minn Pastor Gordon Manche’ biex jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni.

Pastor Manche’, li jmexxi l-kongregazzjoni “River of Love”, fetaħ rikors quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minħabba li wieħed mill-karattri satiriċi tal-ispettaklu – Jordan Mank’e- hu karikatura tiegħu. Pastor Manche kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja minħabba t-twemmin tiegħu fejn jidħlu persuni gay fejn isostni li jista’ “jfejjaqhom”.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, qalet li filwaqt li kulħadd għandu d-dritt għad-dinjita’  u l-unur tiegħu, min-naħa l-oħra jeżisti d-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni.

“M’hemmx dubju li r-rikorrent kien spiċċa f’kontroversja dwar l-omosesswalita’ u dan wassal biex inħoloq karattru. Filwaqt li hu minnu li l-karattru qiegħed iwaqqa’ għaċ-ċajt lir-rikorrent (Manche’) pero’ dan fir-rigward tal-kontroversja li daħal fiha. Ovvjament ir-rikorrent għandu kull dritt għat-twemmin tiegħu. Pero’ li jiġi ikkritikat b’satira, il-Qorti ma tistax tara fejn hi l-ħtieġa li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni.”

L-Avukat Roberto Montalto, li deher għall-producers Take 2, qal li dan il-mandat ma kien xejn ħlief “tentattiv ta’ ċensura indiretta”.

F’kumment wara d-deċiżjoni tal-Qorti, Abigail Mallia minn Take 2 qalet li ladarba persuna jew organizzazzjoni tasal tuża l-mezzi tax-xandir biex tippromwovi brand jew aġenda tagħha, dik il-persuna jew organizzazzjoni trid tkun lesta taċċetta li ladarba ħarġet fil-pubbliku tista’ tkun fil-mira tas-satira. “Ninsab kuntenta ħafna li l-Qorti ikkonfermat l-importanza tas-satira u l-liberta’ tal-espressjoni li għandu jibqa’ jkollna f’pajjiżna,” tenniet Abigail Mallia.

Għaldaqstant, l-ispettaklu “Min Imissu” se jittella’ regolarment illejla u għada.