Lokali

Tkeċċijiet fl-FIAU:Edward Scicluna għandu jagħti spjega pubblika – Is-Soċjeta’ Ċivili

Ritratt: Daniel Cilia

In-Network tas-Soċjeta’ Ċivili talab spjega pubblika mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jekk hu kellux xi forma ta’ involviment, anki indirett, fid-deċiżjoni wara t-tkeċċija ta’ żewġ uffiċjali mill-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU.

Fi stqarrija, in-Network tas-Soċjeta’ Ċivili fakkret kif fi żmien qasir ta’ tliet xhur fl-2016, kienu rriżenjaw il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar u d-Direttur tal-FIAU Manfred Galdes. Dan ma sarx f’vacuum iżda sar fid-dawl ta’ rapport li pponta swaba lejn individwi f’saffi għolja tal-poter politiku Malti.

Imbagħad, ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, l-FIAU itterminat l-impjieg ta’ żewġ uffiċjali ewlenin tagħha, Jonathan Ferris u Charles Cronin li kienu jmexxu s-sezzjonijiet tal-financial analysis u l-compliance rispettivament u li dawn it-tkeċċijiet saru fl-istess żmien meta l-Ministru Edward Scicluna kien staqsa pubblikament jekk ir-rapporti tal-FIAU kienux inkitbu biex jiġu leaked.

L-istqarrija tkompli li l-poplu Malti jixraqlu li l-istituzzjonijiet tiegħu tassew jaħdmu fl-interess tal-ġid komuni u jagħmlu min kollox biex toħroġ il-verita’ dwar ir-riżenji tal-Kummissarju Michael Cassar u d-Direttur Manfred Galdes u t-tkeċċija ta’ Jonathan Ferris u Charles Cronin. Fil-fehma tan-network, in-nuqqas ta’ rieda li tkun stabbilita l-verita jammonta għal omerta’ istituzzjonali.

L-istqarrija tfakkar il-kliem tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri fil-ftuħ tas-sena forensi: “Is-Saltna tad-Dritt trid li jkun hemm il-piena għal kull min jikser il-liġi. Jekk ikun hemm piena għal uħud iżda mhux għal oħrajn, allura l-Qrati ma jibqgħux aktar amministraturi tal-ġustizzja iżda amministraturi tal-inġustizzja billi jispiċċaw jippenalizzaw lil uħud iżda mhux oħrajn. Minflok is-Saltna tad-Dritt, ikollna s-Saltna tad-Delinkwenti.”