Lokali Qorti

Tnejn jitressqu l-Qorti akkużati b’erba’ serqiet

Patrick Mangion ta’ 44 sena minn Ħal Qormi u Carmen Spiteri ta’ 40 minn Wied il-Għajn wieġbu mhux ħatja meta fil-Qorti tressqu akkużati li wettqu numru ta’ serqiet.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Saviour Baldacchino, qed takkuża lir-raġel b’erba’ serqiet, u li f’waħda minnhom ipparteċipat ukoll il-mara.

Is-serqa li ż-żewġ imputati qed jiġu akkużati biha seħħet fis-26 ta’ Settembru, meta nsterqu diversi ġojjellerija u oġġetti. It-tliet serqiet l-oħra seħħew fit-30 ta’ Marzu li għadda minn ġo pompa tal-petrol f’Ħ’Attard, fejn insterqu mat-€300 mill-cash register; serqa ta’ mazz ċwievet minn karozza fir-Rabat fil-5 ta’ Novembru li għadda; u serqa oħra fl-istess ġurnata minn propjeta’ fil-Qrendi fejn insterqu ġojjellerija u xi oġġetti oħra.

Il-Qorti semgħet kif il-mara akkużata ma taħdimx, filwaqt li r-raġel qal lill-Qorti li għalkemm ma jaħdimx, kellu jiddaħħal jaħdem il-Wasteserv. Mistoqsijin xi jwieġbu għall-akkużi miġjuba kontrihom, iż-żewġ persuni wieġbu mhux ħatja.

Quddiem il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, l-Avukat tal-akkużati talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għal dan u titlob li ż-żewġ akkużati jinżammu taħt arrest minħabba li hemm numru ta’ xhieda fil-każ kif ukoll peress li ż-żewġ persuni m’humiex affidabbli.

Min-naħa tagħha l-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-mara, filwaqt li ċaħdet it-talba fil-konfront tar-raġel. Il-mara ngħatat ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li tiffirma l-għassa tal-Belt kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa f’xi ħin bejn it-8 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija, li ma ssifirx, u li tidħol id-dar mhux aktar tard mill-10 ta’ billejl u ma toħroġx qabel is-7 ta’ filgħodu. Il-ħelsien mill-arrest tal-mara ngħata fuq depożitu ta’ EUR 500 u garanzija personali ta’ EUR1,500. Il-każ ikompli.