Valtteri Bottas kiseb it-tieni pole position konsekuttiva meta rnexxielu jegħleb lil Lewis Hamilton f’Abu Dhabi f’doppjetta tal-Mercedes. Il-Britanniku kellu vantaġġ fuq Bottas għal ħafna mill-ħin, iżda dawra mill-aqwa fit-tielet fażi tal-Finlandiż, wasslet biex għamel rekord taċ-ċirkwit f’minuta 36 sekonda .231 u għeleb lil sieħbu b’0.1 ta’ sekonda u kiseb ir-raba’ pole position tal-istaġun.
Filwaqt li l-koppja tal-Mercedes bdew jissieltu ma’ xulxin, is-sewwieqa tal-Ferrari u r-Red Bull kienu distakkati. Sebastian Vettel spiċċa fit-tielet post ftit aktar minn nofs sekonda wara Bottas.
Daniel Ricciardo temm ir-raba’ qabel Kimi Raikkonen tal-Ferrari, bl-Awstraljan jegħleb lil sieħbu tar-Red Bull Max Verstappen bi kważi 0.3 ta’ sekonda.
Hulkenberg għeleb liż-żewġ karozzi tal-Force India u kiseb is-seba’ post, riżultat li jista’ jkun kruċjali għal Renault fil-klassifika tal-kostrutturi. Wara Sergio Perez u Esteban Ocon, kompla l-ewwel għaxra Felipe Massa tal-Williams, f’dik li kienet l-aħħar provi uffiċjali fil-karriera tiegħu.
//= $special ?>