Lokali

Direttiva ġdida: Il-First Time Buyers jintalbu ijħallsu t-Taxxa tal-Boll fuq l-ewwel €150,000

...imbagħad wara li jsir il-kuntratt, in-nutar, f’isem ix-xerrejja, jagħmel talba lid-Dipartiment tat-Taxxi biex ix-xerrejja jingħataw lura l-flus li jkunu ħallsu

Il-gazzetta il-mument illum żvelat li nhar il-Ġimgħa filgħodu n-nutara rċevew korrispondenza mid-Dipartiment tat-Taxxa Interna biex b’effett immedjat meta jagħmlu l-konvenji, jibdew jiġbru t-taxxa ta’ wieħed fil-mija fuq l-ewwel €150,000 anki mingħand il-koppji li jkunu qed jixtru l-proprjetà tagħhom għall-ewwel darba.

Sa issa kienet fis-seħħ li koppji ġodda li jkunu qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom ma jħallsux it-taxxi tal-boll fuq l-ewwel €150,000 li joħorġu għax-xiri tal-binja l-ġdida li jkunu qed jixtru bħala r-residenza tagħhom. Dan kien ifisser li koppji ġodda, ġeneralment koppji żgħażagħ li jkunu deħlin għall-piż tal-ewwel dar ġdida għalihom, ma kinux iħallsu l-wieħed fil-mija fuq l-ewwel €150,000 u dan kien ta’ solliev għalihom.

Issa bid-direzzjoni li qed jagħti d-Dipartiment tat-Taxxi Interni jirriżulta li n-nutara se jkollhom jibdew minnufih jiġbru t-Taxxa tal-Boll mingħand dawn il-koppji l-ġodda anki fuq ix-xiri tal-ewwel proprjetà tagħhom u anki fuq l-ewwel €150,000 li jkunu qed joħorġu.

Id-direttiva tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni tkompli li mbagħad wara li jsir il-kuntratt proprju, in-nutar jagħmel talba f’isem il-koppja biex dawn jingħataw lura l-flus ta’ wieħed fil-mija li jkunu laħqu ħallsu meta ffirmaw il-konvenju fuq l-ewwel €150,000.

Il-gazzetta il-mument tkellmet man-Nutar Tony Abela li fisser li iva, in-nutara rċevew din l-istruzzjoni mingħand id-Dipartiment tat-Taxxi Interni u huma maħsuda b’tali deċiżjoni li ma tagħmilx sens. Fis-sens li lil dawn il-koppji mgħobbija b’tant spejjeż titlobhom iħallsu dawn il-flus biex imbagħad, min jaf kemm-il xahar wara, dawn il-koppji – tramite n-nutar tagħhom – jagħmlu talba biex dawk il-flus partikulari jkunu rifużi lilhom.

In-Nutar Tony Abela kkonferma wkoll li din l-ordni daħlet fis-seħħ b’mod immedjat minn nhar il-Ġimgħa li għadda u għalhekk il-koppji li għamlu jew se jagħmlu konvenji fuq proprjetà ġdida għalihom daħlu f’dawn il-ħlasijiet tal-wieħed fil-mija fuq l-ewwel €150,000 fil-valur tal-proprjetà li jkunu se jixtru. Naturalment il-ħlas tal-wieħed fil-mija jsir akkont tat-Taxxa tal-Boll fuq valur tal-€150,000.

Dan kollu jmur direttament kontra l-prinċipju li dawn il-koppji ġodda, fuq il-proprjetà l-ġdida li jkunu se jixtru, ma jħallsu xejn.

Hawnhekk hu staqsa x’inhu l-iskop tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li jagħmel affarijiet bħal dawn jekk forsi mhux biex ma joqgħodx jiċċekkja ċerti affarijiet hu dwar ix-xerrej jew dwar il-bejjiegħ.

In-Nutar Tony Abela temm li fl-opinjoni tiegħu la dawn jikkwalifikaw biex ma jħallsux boll, allura hi redikola li mal-konvenju jħallsu l-wieħed fil-mija, imbagħad in-nutar ikollu joqgħod japplikalhom lura għal dawn il-flus wara li jkun sar il-kuntratt.

Dan imur kontra l-prinċipju li qed nippruvaw ngħinu lill-first time buyers biex ma joħorġux flus fil-vojt.