Ftit jiem qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju, b’mod sigriet, il-Gvern estenda garanzija bankarja li ammontat għall-valur ta’ €360 miljun għall-power station il-ġdida.
Dan meta f’Jannar, il-Ministru Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien Ministru mingħajr portafol, indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha stqarr li l-garanzija statali se tkun irtirata.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta li semmiet kif ma kien hemm l-ebda notifika pubblika dwar din id-deċiżjoni. Il-Gvern kien qal li din kellha tkun garanzija temporanja li tibqa’ tgħodd biss għal 22 xahar.
Dwar dan, il-Gvern kien qal li l-garanzija statali ta’ €360 miljun li tkopri għal 80% tas-self totali ta’ €450 miljun mill-konsorzju Electrogas kellha tibqa’ fis-seħħ sa ma l-proġett jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Siltiet minn rapport tal-FIAU li ġew leaked f’Mejju li għadda urew kif l-Orion Engineering Group, il-kumpanija lokali assoċjata mat-tanker tal-gass, kienet trasferixxiet fondi lejn kumpaniji l-Panama miftuħa minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Sorsi qalu lill-gazzetta The Sunday Times of Malta li l-Gvern estenda dan is-self bankarju sabiex Electrogas, il-kumpanija wara l-power station il-ġdida tingħata iktar żmien biex ikollhom il-finanzjament neċesssarju.
//= $special ?>