Futbol Sport

FUTBOL – Messi jirbaħ iż-Żarbuna tad-Deheb

Matul dawn l-aħħar jiem, l-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi rebaħ, għar-raba’ darba, iż-Żarbuna tad-Deheb wara li fl-istaġun li għadda temm bħala l-aqwa skorer fl-Ewropa.

Fil-kampjonat Spanjol hu skurja total ta’ 37 gowl biex spiċċa quddiem Bas Dost ta’ Sporting Lisbon li skurja 34 gowl fil-kampjonat Portugiż u quddiem Pierre-Emerick Aubameyang li skurja 31 gowl ma’ Borussia Dortmund fil-Bundesliga.

Ta’ min jinnota li filwaqt li l-attakkant Arġentin skurja dan l-ammont kbir ta’ gowls dawn xorta waħda ma kinux biżżejjed biex Barcelona jirbħu l-kampjonat għax kienu proprju r-rivali tagħhom Real Madrid li rebħuh. Messi skurja dawn il-gowls f’34 logħba.

L-ewwel darba li Messi rebaħ dan l-unur kien fl-istaġun 2009-10 meta dakinhar skurja 34 gowl fil-La Liga filwaqt li t-tieni darba li rebaħ dan l-unur kien fl-istaġun 2011-12 meta dakinhar skurja 50 gowl.

It-tielet darba li Messi rebaħ dan l-unur kien fl-istaġun 2012-13 meta skurja 46 gowl.

Ħarsa lejn l-istatistika turi li Messi hu l-aqwa skorer fl-istorja tal-La Liga b’total ta’ 361 gowl. Hu wkoll l-aqwa skorer fl-istorja tal-klabb Katalan b’523 gowl.

Ta’ min jiftakar li Messi, lura fl-2012, kien sar l-ewwel plejer li qatt skurja ħames gowls f’partita taċ-Champions League u kien għamel dan kontra Bayer Leverkusen.