Lokali

Ħallelin jisirqu kumpless tal-ġojjellerija f’Tas-Sliema wara li żgassaw dar u ħanut ieħor

Persuna jew persuni mhux magħrufa matul il-lejl li għadda żarmaw il-ħanut tal-ġojjellerija Sterling Jewellers, li jinsab max-xatt ta’ Tas-Sliema f’serqa li kienet ippjanata sew.

Jirriżulta li matul il-lejl min wettaq is-serqa daħal f’residenza privata li tinsab fuq wara tal-ħanut u minn hemm qala’ knaten tal-ħajt tal-kċina biex b’hekk infetaħ aċċess għal ħanut tal-ħwejjeġ Dorothy Perkins.

Minn dan il-ħanut jidher li dawk responsabbli ma serqu xejn iżda qalgħu parti mill-ħajt tal-istess stabbiliment biex b’hekk setgħu jgħaddu għall-ħanut tal-ġojjelli.

Mhux imfixkla hekk kif mit-triq prinċipali ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ żgass, il-ħallelin żarmaw dak kollu li sabu fil-ħanut tal-ġojjellerija. Għal xi raġuni ma daqqx l-alarm tal-ebda ħanut.

Hekk kif l-investigazzjonijiet ikomplu, il-Pulizija għalqet l-aċċess għad-dar minn fejn daħlu l-ħallelin, kif ukoll il-ħwienet li fihom daħlu l-ħallelin.