‘Il fuq minn 70 dimostrant spiċċa arrestat fi Brussell wara rvellijiet fil-kapitali Belġjana li seħħew matul il-lejl li għadda.
Id-dimostranti kienu qed jipprotestaw barra l-Qorti tal-Ġustizzja fejn ilmentaw dwar il-vjolenza li qed ikunu suġġetti għaliha l-immigranti Afrikani u b’mod speċifiku dwar ir-rivelazzjonijiet tas-swieq għall-iskjavtu tal-immigranti fil-Libja.
Intant, xi dimostranti nqatgħu minn mal-folol li, fil-parti kbira, kienu qed jipprotestaw b’mod paċifiku u bdew iwettqu ħsara fil-karozzi u l-ħwienet f’ Avenue Louise, qrib iċ-ċentru ta’ Brussell.
Ir-rapporti qalu li numru ta’ pulizija sfaw attakkati mill-elementi vjolenti, u li pulizija minnhom spiċċa ferut gravi, tant, li kellu jkun operat għall-ġrieħi li sofra f’rasu.
Intant, il-qawwiet tal-ordni kienu rinfurzati b’aktar pulizija li marru fuq il-post u fejn irnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
L-osservaturi qalu li l-inkwiet kellu x’jaqsam l-aktar ma’ filmati li jindikaw ‘l-irkanti ta’ immigranti Afrikani’ fil-Libja, u fejn qegħdin jispiċċaw mibjugħin bħala ‘ħaddiema potenzjali fl-irziezet’.
//= $special ?>

