Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Gowl tal-eks Piciollo jagħti d-derby lil Valletta

Stewart Said

VALLETTA…………1
FLORIANA…………0

Gowl għaxar minuti tal-eksplejer Matteo Piciollo kien biżżejjed biex Valletta jagħtu l-ewwel telfa tal-kampjonat lil Floriana wara li rebħu l-aktar derby mistenni fil-futbol lokali 1-0. Partita li komplessivament naqset li tilħaq il-livell mixtieq bi ftit azzjonijiet lejn il-lasti u b’logħba aktar tattika milli stil ta’ derby b’antagoniżmu. Iżda minkejja li draw seta’ jkun riżultat ġust, Valletta attakkaw aktar fit-tieni taqsima u skorjaw il-gowl fil-mument ġust.

Rebħa li tpoġġi lil Valletta fil-quċċata flimkien ma’ Balzan b’27 punt, tlieta aktar minn Gżira United u Hibernians u erba’ punti fuq l-istess Floriana. Il-Greens kienu tattikament dixxiplinati u kkontrollaw lill-avversarji għal ħafna ħin. Iżda meta Valletta tjiebu fit-tieni taqsima, Floriana naqsu li jkunu perikolużi.

Zoran Popovic għamel tliet bidliet mid-draw kontra Ħamrun. Joseph Zerafa rritorna fid-difiża flok Uchenna Umeh li beda fuq in-naħa leminija tad-difiża. C. Pani beda f’nofs il-grawnd flok Santiago Malano u Michael Mifsud kien preferut minn Denni Rocha dos Santos.

Żewġ bidliet għall-kowċ ta’ Floriana Giovanni Tedesco. Clyde Borg u Ignacio Varela bdew flok James Baldacchino u Juninho Cabral.

Fl-ewwel taqsima, il-partita kienet blokkata f’nofs il-grawnd tant li kellhom jgħaddu 28 minuta biex ikun hemm l-ewwel azzjoni denja. Michael Mifsud avvanza fuq in-naħa leminija u prova b’żewġ konklużjonijiet li t-tnejn kienu blokkati minn Enrico Pepe u Artur Oyama, bil-ballun jispiċċa għand Ibrahim Saleh iżda t-tentattiv tiegħu għadda fuq il-lasta.

Floriana wieġbu erba’ minuti wara fl-aħjar azzjoni tat-taqsima. Maurizio Vella għadda ballun intelliġenti wara d-difiża Beltija lejn Mario Fontanella li avvanza fuq il-lemin, iżda x-xutt finali tiegħu kien salvat b’siequ minn Henry Bonello.

It-tieni taqsima żammet l-istess ritmu, b’Floriana joħolqu l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima meta minn kross ta’ Vella, Jean Borg deher jilħaq qabel Mario Fontanella bil-ballun jispiċċa barra, iżda r-referee Trustin Farrugia Cann għażel li ma jordnax korner.

Valletta tjiebu aktar ma beda jgħaddi l-ħin u fis-67 minuta kienu perikolużi meta minn free-kick ta’ Pani, għola tajjeb Kyrian Nwoko iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat fuq il-lasta. Żewġ minuti wara, Valletta reġgħu kienu perikolużi. Kien korner ta’ Pani mix-xellug, għola tajjeb Juan Cruz Gill li prova b’daqqa ta’ ras insidjuża iżda Ini Akpan kien pront u dawwar f’korner bi bravura. Mill-istess korner, xutt ta’ Piciollo għadda ferm għoli.

Valletta kienu superjuri territorjalment u fit-80 minuta skorja il-gowl li kellu jkun tar-rebħa. Azzjoni tajba ta’ Malano li fetaħ fl-ispazju fuq ix-xellug lejn Matteo PICIOLLO li ltaqa’ mal-ballun u spara fix-xibka wara Akpan.

Floriana pruvaw jitfgħu kollox fuq l-attakk, iżda ma kinux perikolużi b’Valletta saħansitra setgħu rduppjaw bl-aħħar xutt tal-logħba wara li Uchenna Umeh prova b’xutt djagonali li spiċċa fuq il-mimduda.