Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Wirja tajba ta’ Hibernians issarraf f’rebħa faċli

Stewart Said

TARXIEN R…………….0
HIBERNIANS………….3

Tliet gowls, tliet punti u wirja dominanti kienet ir-riċetta għar-rebħa ta’ Hibernians fuq Tarxien Rainbows fid-derby ta’ nofsinhar. Iċ-champions iddettaw il-logħob mill-bidu sal-aħħar, iżda wara li marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima, naqsu li jagħlqu l-logħba fil-bidu tat-tieni taqsima u kien fl-aħħar kwarta li għalqu l-logħba. Tarxien kellhom wirja diżappuntanti fejn qatt ma kienu ta’ periklu lejn il-lasta ta’ Andrew Hogg.

Il-kowċ ta’ Hibernians Mark Miller għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Birkirkara. Joseph Mbong u Elias dos Santos bdew flok is-sospiż Rui Gomes u Dunstan Vella f’dik li kienet mossa offensiva. Fuq in-naħa l-oħra, Josè Borg għamel bidla waħda b’Sean Cipriott flok Eduard Calin.

Hibernians fetħu l-iskor fit-23 minuta fl-ewwel azzjoni denja tal-logħba. Kien korner mil-lemin ta’ Marco Sahanek indirizzat fil-kaxxa ż-żgħira, b’Jurgen DEGABRIELE jkun fil-post it-tajjeb biex jegħleb lil Christian Cassar mill-viċin.

Iċ-champions baqgħu fil-kmand tal-logħba u tmien minuti wara reġgħu marru qrib li jiskorjaw b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jackson Lima li kien salvat parzjalment minn Cassar, b’Andrè Scicluna jitfa’ f’korner.
Lima reġa’ kien perikoluż fil-41 minuta meta prova b’xutt fil-baxx mid-distanza li iżda għadda ftit barra. It-tim ta’ Miller baqa’ fil-kmand assolut u għalaq it-taqsima b’żewġ okkażjonijiet oħra.

L-ewwel kien Sahanek minuta wara, li prova b’azzjoni personali bix-xutt finali jkun imxellef, biex fil-45 minuta minn kross tajjeb ta’ Bezzina, id-daqqa ta’ ras ta’ Elias dos Santos għaddiet barra.

Hibernians laqtu l-lasta fis-56 minuta permezz ta’ Joseph Mbong li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu stampat mal-mimduda wara free-kick ta’ Sahanek. Elias dos Santos seta’ kabbar l-iskor fit-73 minuta b’daqqa ta’ ras wara korner mix-xellug, u minuta wara, l-istess plejers falla minn qagħda ideali.
Il-Pawlisti għalqu l-logħba fid-79 minuta meta minn kross mil-lemin ta’ Sahanek, Elias dos Santos niżżel bir-ras lejn is-sostitut Marco FILHO MORGON li għeleb lil Cassar minn pożizzjoni ċentrali.

Hibernians komplew jattakkaw u fit-83 minuta Jackson Lima reġa’ prova b’konklużjoni minn barra l-kaxxa li ġiet mdawra f’korner minn Cassar. Madankollu tliet minuti wara huma skorjaw it-tielet gowl. Clayton Failla krossja mix-xellug tul il-lasta fejn sab lil Johann BEZZINA li kkontrolla u għeleb lil Cassar b’xutt fil-baxx.