Fil-ġimgħat li għaddew l-Uffiċċju tat-Tesseri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista imbarka fuq proġett ġdid li permezz tiegħu saret analiżi dettaljata tan-nies li kienu tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista għal raġunijiet varji u dan tul it-tletin sena li għaddew.
L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju hu biex isir kuntatt magħhom mill-Uffiċċju tal-Kap tal-PN Adrian Delia. Kien il-Kap tal-Partit stess li talab biex tkun analizzata din l-informazzjoni, jitqabbad grupp ta’ voluntieri biex javviċinaw lill-ekstesserati tal-PN u allura b’kollox isir kuntatt ma’ aktar minn 14,000 persuna li tul it-tletin sena li għaddew tbiegħdu mill-PN u dan għal xi raġuni jew oħra.
Matul il-ġimgħat li għaddew grupp ta’ għoxrin persuna kienu mħejjija u kkoordinati biex ta’ kuljum l-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit jagħmel kuntatt ma’ għexieren ta’ ekstesserati, jitkellmu magħhom, jisimgħu l-ħsibijiet tagħhom u jirreġistraw l-informazzjoni kollha li tidħol minn dan il-kuntatt li qiegħed isir ma’ dawn in-nies.
Bl-informazzjoni li qed tinkiseb jidher li fl-ewwel ġimagħtejn permezz ta’ dan l-eżerċizzju, l-Uffiċċju tal-Kap tal-PN diġà laħaq mal-2,500 persuna.
Jidher ukoll li r-rispons tal-persuni li qed isir kuntatt magħhom huwa pożittiv u qiegħed iħalli riżultati tajbin. Il-mira hi li sa tmiem Jannar li ġej ikun sar kuntatt mal-ekstesserati kollha ħalli mbagħad jiskatta proċess li permezz tiegħu l-Kap tal-PN jibda jiltaqa’ man-nies lokalità lokalità. Dawn il-laqgħat mistennija jibdew isiru fil-każini tal-PN.
Fl-istess waqt il-Kap tal-Partit, kif kien rapportat fil-ħarġa ta’ il-mument tal-Ħadd li għadda, min-nhar it-Tnejn li għadda beda proċess li bih jiltaqa’ mal-attivisti u mal-għeruq tal-Partit fejn l-ewwel saret laqgħa fid-Dar Ċentrali għall-attivisti kollha u l-għada t-Tlieta saret l-ewwel laqgħa għall-attivisti tal-Ewwel u t-Tmien Distrett. Din il-laqgħa saret fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Każin ta’ Santa Venera-Fluer-De-Lys.
Dawn il-laqgħa mistennija jissoktaw nhar it-Tlieta u l-Erbgħa, 28 u 29 ta’ Novembru li ġej. Il-laqgħa tat-Tlieta se tkun għall-attivisti mir-Raba’ u l-Ħames Distrett u se ssir fil-Każin tal-Partit f’Santa Luċija. Dik tal-Erbgħa se ssir fil-Każin tal-PN fil-Kalkara u din il-laqgħa se tkun għall-attivisti tat-Tieni u t-Tielet Distrett.
Minn dawn il-laqgħat li qed joħroġ hu li ħafna mill-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali u attivisti tal-Partit qed iħossuhom fil-libertà li jitkellmu mal-Kap, jistaqsuh mistoqsijiet diretti u jibdlu ħsibijiet tagħhom miegħu, filwaqt li jkollhom tweġibiet immedjati mingħandu dak il-ħin stess.
Ta’ sodisfazzjon kbir kienu l-ewwel żewġ laqgħat li saru nhar it-Tnejn u t-Tlieta li għaddew meta dawn ħadu t-tul bil-Kap tal-Partit jisma’ l-mistoqsijiet kollha li sarulu u invista tagħhom iddiskuta dak il-ħin stess il-punti kollha mqajma.
//= $special ?>