Lokali

L-Istat hu obbligat li jipproteġi lil persuni li jinsabu f’riskju ta’ attakki

Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ftit tal-ġimgħat ilu, l-istituzzjonijiet Maltin iddefendew ruħhom mill-akkuża li huma kienu naqsu milli jipprevjenu l-istess omiċidju billi rreferew għall-fatt li Daphne Caruana Galizia ma riditx protezzjoni mill-Pulizija Maltija.

In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili fi stqarrija nnota li f’dawn l-aħar jiem fil-mezzi tax-xandir lokali u internazzjonali kemm il-whistleblower Maria Efimova kif ukoll l-eks Spettur tal-Pulizija u eks Uffiċjal ta’ l-FIAU Jonathan Ferris stqarrew li minħabba l-informazzjoni li għandhom fir-rigward ta’ attivitajiet kriminali b’konnessjoni ma’ Malta kif ukoll minħabba l-fatt li huma rrifjutaw li jibqgħu siekta fuq każijiet ta’ attivitajiet kriminali huma jħossu li ħajjithom tinsab fil-periklu.

In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili qiegħed pubblikament jitlob lill-awtoritajiet Maltin, b’mod speċifiku lill-Korp tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali, sabiex huma jagħtu l-protezzjoni kollha meħtieġa lil dawk il-persuni li minħabba l-informazzjoni li għandhom jew minħabba l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalitàjinsabu esposti għal riskju ta’ attakki fuq ħajjithom jew fuq il-ħajja tal-familja tagħhom.

Tali protezzjoni għandha tingħata wkoll lil dawk il-politiċi u membri tal-ġudikatura li huma involuti f’investigazzjonijiet relattivi għal allegazzjonijiet magħmula mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. In-Netwerk tas-Socjetà Ċivili jisħaq li f’pajjiżna jeħtieġ impenn qawwi u inekwivoku favur il-legalità.

Il-Ħadd 3 ta’ Dicembru fl-16:00 fil-Belt Valletta, in-Netwerk tas-Soċjeta’ Ċivili ser torganizza dimostrazzjoni għall-ġustizzja. Il-Kelliem ewlieni ser ikun l-eks maġistrat kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro.