Lokali

L-istennija fl-Outpatients: “Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ikkonferma dak li ilna ngħidu” – MAM

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li r-rapport tal-Awditur Ġenerali ikkonferma dak li kienet tgħid l-istess MAM sentejn ilu fejn kienet qalet li ż-żminijiet ta’ stennija fid-Dipartiment tal-Outpatients se jibqgħu jitwalu u l-pazjenti ikollhom jistennew madwar sena għall-ewwel appuntament.

Fi stqarrija, il-MAM qalet li ma taqbilx mal-bini ta’ dipartiment ieħor tal-Outpatients u ssostni li l-flus għandhom jintefqu fl-ingaġġ ta’ iktar konsulenti u support staff biex jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija. Lanqas ma’ taqbel ma’ Public Private Partnership f’dan il-qasam għax iwassal biex biex jintefqu flus fuq management mingħand terzi u inqas fondi għas-servizzi f’Mater Dei.

Il-MAM fakkret li skont il-ftehim kollettiv tal-2013, l-istaff taċ-Ċentri tas-Saħħa kellhom jiġu assenjati fi kliniks ta’ mard kroniku iżda sa issa, dan għadu ma ġiex implimentat. Fakkret ukoll li inqas minn 5% tad-dewmien fl-outpatients hu attribwit għal referrals żbaljati mill-konsulenti. Ħafna drabi huma r-regoli tal-farmaċija li jobbligaw lil pazjenti li jkollhom mediċini għoljin biex jagħmlu appuntament fl-Isptar.