Talanqas żewġ persuni mietu, b’għexieren jisfaw midruba, fi splużjoni li heżżet il-belt tal-port ta’ Ningbo, lejn il-lvant tal-pajjiż. Iċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla’ wara li għexieren ta’ nies ittieħdu b’urġenza lejn l-isptar fost il-ħidma tas-salvataġġ kontinwa fiz-zona.
Ingħad li l-isplużjoni seħħet ġo fabbrika fid-distrett ta’ Jiangbei, bir-riżultat li ċedew numru ta’ bini fil-viċinanzi fejn il-ħerba sussegwenti kienet kbira. Intant, għaddejja investigazzjoni biex tiddetermina l-kawża tal-isplużjoni meta l-belt ta’ Ningbo tinkorpora port kbir internazzjonali għall-bastimenti filwaqt li magħrufa wkoll bħala sede għall-industriji li jimmanifatturaw il-karozzi.
Ma kienx eskluż li xi ċilindri tal-gass fl-inħawi setgħu kienu l-ixprun għall-isplużjoni.
Dawn it-tipi ta’ inċidenti qalb iz-zoni industrijali taċ-Ċina huma komuni u, għaldaqstant, żdiedu s-sejħiet għall-ħarsien aktar effettiv tal-kriterji tas-sigurtà. Il-Gvern Ċiniż, min-naħa tiegħu, qal li qed iżid l-ispezzjonijiet f’siti bħal dawn, bil-pieni għan-nuqqasijiet bi traskuraġni isiru aktar ħorox.
//= $special ?>

