Lokali

Priġunier imċaħħad mit-tagħlim tal-mużika

Kenneth Gafa hu priġunier fil-Ħabs ta’ Kordin li għal bosta snin ilu jittallab lit-Tmexxija tal-Ħabs biex tagħtih il-faċilità li jitgħallem il-mużika. Minkejja d-diversi talbiet li għamel, dawn dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Kenneth Gafà stqarr dan mal-gazzetta il-mument. Hu sosta “ili residenti hawnhekk erba’ snin… il-ħin kollu nitkarrab biex ningħata t-tagħlim iżda niġi mċaħħad. Affarijiet li ma jitwemmnux.

“Jien għandi mġiba tajba u għandi interess kbir biex nitgħallem il-mużika. Sa issa tgħallimt ftit kif stajt. Bla għalliem ma tistax titgħallem. Li tgħallimt tgħallimtu minn fuq videos bis-saħħa ta’ xi ħbieb u mużiċisti li ġieli ġew għal xi attività fil-Ħabs bħala voluntieri.”

Hu żied li Mariella Camilleri, li llum hi fit-Tmexxija tal-Ħabs, ilha erba’ snin twiegħdu li se ġġib lil xi għalliem. Wegħditu wkoll li se torganizza kors tat-teorija fil-Ħabs u li se ġġiblu minn fuq l-internet programm peress li r-residenti ma għandhomx aċċess għall-internet.

Hu qal li minn dan kollu ma ġara xejn. “anzi f’dawn l-erba’ snin flok sibt lil min jinkoraġġini, sibt uffiċjali tal-Ħabs li ppruvaw iwaqqfuni għax hawnhekk il-kamra tal-mużika – li kienet inawgurata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u mill-eks-Ministru tal-Intern Manuel Mallia – qatt ma kienet attrezzata b’sistema adegwata ta’ sound proofing”.

Kenneth Gafà kompla li suppost kellhom jinxtraw ukoll xi strumenti tal-mużika. “Fil-verità nxtraw xi ftit strumenti u dwarhom hemm dubji kbar rigward il-prezzijiet li ntefqu.”

Biswit il-kamra tal-mużika hemm numru ta’ uffiċini u dak li jiġri meta jkun hemm min ikun qed jipprattika l-mużika hu li jmorru uffiċjali tal-Ħabs u b’ħafna theddid iwaqqfu l-prattika li tkun qed issir.

“Lanqas ħadd ma jemmnek li tinqata’ korda ta’ kitarra li tiswa biss ħamsin ċenteżmu u nispiċċaw nagħmlu xhur sħaħ nitolbu lit-Tmexxija tal-Ħabs biex forsi tixtrilna din il-korda. Ikolli nistqarr li hawn telqa kbira u ħadd ma jrid jagħmel xejn… pass ta’ nemlu jgħaġġel iżjed mill-pass li bih isiru l-affarijiet hawn ġew.”