Lokali

“Se naħdem biex ikollna partit żagħżugħ għaż-żminijiet tal-lum” – Clyde Puli, Segretarju Ġenerali ġdid tal-PN

“Naf li dawn ma humiex l-aħjar żminijiet għall-Partit Nazzjonalista iżda flimkien mat-Tmexxija l-ġdida tal-Partit se naħdem bla heda biex il-PN jerġa’ jqum fuq saqajh u jerġa’ jikseb l-aħjar u l-aqwa post fil-politika Maltija.

“Il-ħidma li se nkunu qed nagħmlu hi waħda diffiċli u impenjattiva ħafna iżda fiduċjuż li bl-għajnuna ta’ kulħadd kapaċi naslu u rridu naslu wkoll billi nassiguraw li f’kull sens ikollna Partit żagħżugħ għaż-żminijiet tal-lum.

“Irridu nkunu l-mużajk li jirrifletti l-mużajk tas-soċjetà Maltija. Irridu nkunu effettivi għaliex b’hekk inkunu relevanti fil-familji, fil-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet soċjali. Dan hu l-impenn li lkoll flimkien irridu nagħmlu biex għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss inkunu mġedda u organizzati tant li nkunu kapaċi noffru sfida qawwija ħalli l-PN jerġa’ jkun fit-tmexxija tal-pajjiż.”

Din l-istqarrija diretta u ċara daqs il-kristall għamilha ma’ il-mument Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-PN nhar il-Ġimgħa filgħodu f’intervista hekk kif żanżan l-uffiċċju l-ġdid tiegħu bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN.

Is-sehem fl-istrutturi tal-PN

Mistoqsi dwar il-kariga l-ġdida, Clyde Puli qal li l-involviment tiegħu fil-politika ilu ħafna snin. “Jien ili involut fil-PN minn meta kont żgħir. Niftakarni f’Radio 101 fejn anki ltqajt ma’ persuni bħal Adrian Delia. Imbagħad wettaqt ħidma fl-Eżekuttiv taż-Żgħażagħ. Ħriġt ukoll għall-Kunsilli Lokali u sirt Sindku. Sirt ukoll President tal-Kunsillieri. Kont Uffiċjal tal-Partit… dort ħafna mill-istrutturi tal-Partit… inkluż fis-Solidarjetà Ħaddiema fl-AŻAD… Imbagħad kont elett ukoll bħala Membru Parlamentari u kont ukoll membru fil-Kabinett.

“Imbagħad waslet l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda u kien hemm in-neċessità li jinħatar Kap ġdid u ntgħażel Adrian Delia li kien qiegħed jimbotta mod ġdid kif issir il-politika. Jien dejjem kont disponibbli għal dak kollu li l-Kap xtaq minni fir-rigward tas-servizz li stajt nagħti fil-Partit.

“Proprju bdejt nifhem lix-xogħol hawnhekk hu kbir ħafna iżda l-ħin hu qasir. Kien il-Kap li bagħat għalija u tkellimna u wrieni li xtaqni nieħu dan ir-rwol u nieħu bħala miri immedjati tiegħi l-iffukar tal-affarijiet politiċi u l-iffukar biex il-PN jerġa’ jibda jikber u jsir l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Ħidma biex il-PN jieqaf lill-Gvern

Hu qal li konxju mill-fatt li daħal għal dan l-impenn iebes ħafna f’mumenti veramenti diffiċli għall-PN. “Naf għalxiex dħalt u naf li l-isfida hi kbira ħafna u naf ukoll li dan ma hux l-aħjar mument għall-PN.

“Imma minkejja dan kollu, konxju wkoll li f’dan il-mument ukoll ir-responsabbiltà tiegħi hi dik li nservi minn din il-kariga l-bżonnijiet tal-Partit. Jien inħobb ħafna l-Partit mhux biss meta jkun għaddej f’mumenti tajbin, imma nħobb ħafna lill-Partit ukoll meta jkun għaddej minn mumenti diffiċli bħalma hu għaddej bħalissa.

“Fuq kollox, nemmen li dan il-Gvern li għandna f’pajjiżna jeħtieġ li jkun hawn xi ħadd li jiqaflu u għalhekk il-mira tiegħi hi li f’dan il-mument inħares aktar ’il ġewwa milli ’l barra u narmaw magna effiċjenti fil-PN biex hekk l-istess Partit Nazzjonalista jkun kapaċi jieqaf lill-Gvern u jisfidah fl-aħjar interessi ta’ pajjiżna u hekk meta tasal l-elezzjoni ġenerali, ikun bil-lest għal dik it-tellieqa finali.”

Partit li jifhem lin-nies

Mistoqsi dwar il-viżjoni immedjata tiegħu, Clyde Puli fisser li meta hu jkun qed jgħid li jrid jaħdem biex il-PN ikun kapaċi joffri l-isfidi denji tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, allura l-ewwel ħaġa ferm importanti li għandna bżonn hi dik li jkollna partit li jaħseb u li jkun kapaċi jikkomunika bi ħsieb.

Clyde Puli qal li hu ferm meħtieġ li jkollna Partit li jifhem lin-nies u l-aspirazzjonijiet tan-nies. “Il-PN jeħtieġ li tassew ikun viċin in-nies u jifhem ukoll x’għandhom bżonn in-nies u dwar xiex qegħdin jitkellmu u dwar xiex huma mħassbin. Hu biss jekk il-PN ikun viċin in-nies li jista’ jindirizza u jwassal dawk l-aspirazzjonijiet tan-nies.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li dan hu proċess wiesa’ li l-PN irid jimbarka fuqu u jrid jassigura wkoll li f’dan il-proċess wiesa’ ta’ djalogu, irid jinvolvi lil kulħadd fis-soċjetà u ma jħalli lil ħadd barra. F’pajjiżna hawn ħafna komunitajiet differenti; hawn ħafna stili differenti ta’ ħajja; gruppi differenti… ilkoll bil-gosti u bit-twemmin tagħhom… fid-dawl ta’ dan kollu l-PN irid ikun kapaċi jilħaq lil dawn il-faxex fis-soċjetà u jitkellem ma’ dawn in-nies. Ix-xibka tagħna trid tkun tant kbira u organizzata li tilħaq lil dawn in-nies kollha u ma teskludi lil ħadd.

“Irridu nifhmu li dan hu partit bi sfumaturi differenti. Mużajk. Anki s-soċjetà tagħna hi mużajk u allura dak li jrid isir mill-Partit Nazzjonalista hu li hu jkun jirrifletti lil din is-soċjetà.”

Mistoqsi x’inhu l-messaġġ tiegħu għan-Nazzjonalisti li għal xi raġuni jew oħra tbiegħdu mill-Partit, Clyde Puli qal li lil dawn hu jgħidilhom li llum il-bibien huma miftuħa. “Aħna lesti niġġeddu u lesti wkoll li nilqgħu lura fi ħdanna lil dawn in-Nazzjonalisti. Diġà qed niltaqgħu ma’ dawn it-tip ta’ nies li l-Partit seta’ weġġagħhom. Irridu nibdew paġna minn hawn ’il quddiem.”

Ħidma fil-qrib mal-Kap tal-PN

Mistoqsi dwar il-ħidma li hu se jkun qiegħed jagħmel mill-qrib mal-Kap tal-PN Adrian Delia, Clyde Puli fisser li diġà kellu l-opportunità li jaħdem fil-qrib miegħu, fosthom f’Radio 101. “Adrian Delia jġiegħlek tkun komdu taħdem mill-qrib miegħu. Jixprunak u jisfidak il-ħin kollu. Hu persuna li tagħtik l-ispazju. Hu persuna li tgħinek tilħaq il-miri li jkollok quddiemek.

“Hu bniedem li jħobb jargumenta u janalizza ħafna u dawn huma aspetti li għandi għal qalbi jien ukoll… dan ifisser li se nkunu qed nitkellmu ħafna u nanalizzaw ħafna u dan bi skop wieħed biss… dak li l-PN jikseb l-aqwa kisbiet possibbli u jagħmel l-aqwa passi ’l quddiem biex tassew isir gvern alternattiv imfittex mill-Maltin u l-Għawdxin.”

Il-miri tat-Tmexxija l-ġdida

Mistoqsi dwar l-isfidi l-kbar li l-PN se jkollu quddiemu fl-immedjat u anki fil-futur, Clyde Puli qal li waħda mill-isfidi hi ż-żmien fis-sens li l-mira tat-Tmexxija l-ġdida hija l-elezzjoni ġenerali li jmiss fejn il-Partit irid ikun lest biex jisfida lill-Partit Laburista u dan wara li l-Partit Nazzjonalista għadda minn erba’ telfiet elettorali kbar.

“Għalhekk iż-żmien hu qasir ħafna għaliex issa jridu jsiru l-aġġornamenti kollha meħtieġa fl-istrutturi tal-Partit biex jaġġorna ruħu għaż-żminijiet tal-lum, u dan fl-aħjar interess mhux biss tal-Partit imma wkoll fl-aqwa interess nazzjonali għaliex il-pajjiż għandu bżonn li jkollu Oppożizzjoni qawwija u organizzata.

“Aħna issa rridu naħdmu biex ikollna struttura professjonali u tajba li tkun kapaċi tikkomunika b’mod effittiv il-messaġġ tagħha u li tkun kapaċi tisfida b’mod pożittiv għall-politika tal-Gvern.

“Irridu nimmodernizzaw b’mod immedjat għaliex iż-żminijiet inbidlu. Għalhekk Adrian Delia. Għaliex Adrian Delia mill-ewwel u mill-bidu nett fehem li biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikseb is-suċċess jeħtieġ li jaħdem b’mod differenti kif jitolbu ż-żminijiet tal-lum.

“Jista’ jkollna l-aqwa ideat tad-dinja iżda jekk dawn l-ideat ma nkunux kapaċi nwassluhom għand in-nies, allura kollu ta’ xejn. Ejja naħdmu biex inkunu tassew effettivi. U l-miri tagħna huma lkoll iffukati fuq l-elezzjoni ġenerali li jmiss… diġà ż-żmien hu qasir u għalhekk irridu naħdmu ħafna biex ikollna partit organizzat u bl-istrutturi kollha f’posthom u finalment biex hekk ikun partit f’kull sens żagħżugħ u rilevanti u effettiv għaż-żminijiet tal-lum.”

Politika minn isfel għal fuq

Mistoqsi dwar fejn hu l-post taż-żgħażagħ fil-ħidma li se jkun qiegħed iwettaq, Clyde Puli qal li hu jrid li l-istrutturi u l-movimenti kollha tal-Partit ikunu żgħażagħ. Irrid nibni biex il-Partit jerġa’ jkun forza unika fil-pajjiż. U dan jista’ jsir billi jsir it-tiġdid meħtieġ.

“Il-bibien huma miftuħa għal dawk kollha ta’ rieda tajba. Għal dawk kollha li huma lesti li jservu b’mod ġenwin mhux biss lill-Partit imma anki lill-pajjiż. Aħna għandna sett ta’ valuri u parametri ċari, iżda aħna lesti naċċettaw l-isfumaturi differenti u kull min jaħseb li jista’ jservi f’dan il-qafas, allura għandu jiġi ’l quddiem u jsib il-bibien miftuħa għalih.”

Clyde Puli qal li hu għalhekk li l-mod ġdid li bih il-Partit se jkun qed jagħmel u jwassal il-politika tiegħu hu billi l-politika ssir minn isfel għal fuq. “Aħna rridu nservu lin-nies. Aħna rridu naħdmu biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies. Aħna ma rridux infittxu l-poter għalina. Aħna rridu nfittxu l-għodda biex ngħinu lin-nies u nġibu l-interessi tagħhom ’il quddiem.”

Tkellimna dwar il-kwistjoni tal-finanzi u Clyde Puli qal li din hi waħda mill-issues l-aktar ta’ sfida għall-PN. “Din hi problema li jien qiegħed niret mill-ewwel ġurnata tiegħi f’din il-kariga. Hi sfida li jien se nindirizza u nista’ ngħidlek li t-Tmexxija l-ġdida diġà qed niddiskutu kif se niġġeneraw aktar fondi biex il-Partit jissokta jimxi ’l quddiem b’suċċess.

Mistoqsi x’inhu l-appell tiegħu għall-appuntament tal-10 ta’ Diċembru li ġej, Clyde Puli qal li l-PN qed iħares lejn din id-data bħala importanti ħafna u għalhekk qed iħeġġeġ lill-partitarji kollha biex dakinhar ikunu ġenerużi miegħu kif dejjem għamlu fis-snin li għaddew.

“Jekk aħna rridu nkunu fabbrika ta’ ideat u nikkomunikaw dan kollu fost il-poplu Malti, mela għandna nassiguraw li l-istrutturi kollha fi ħdanna jaħdmu b’mod eċċellenti u effiċjenti.

“Għandna mijiet ta’ voluntieri u għandna wkoll numru ta’ impjegati li jridu jitħallsu biex imantnu lill-familji tagħhom. Għandna wkoll l-apparat li jrid jiġġedded u li jrid ikun aġġornat.”

Clyde Puli temm l-intervista billi qal li u daħal għal dan l-impenn qawwi b’impenn kbir ħafna u b’konvinzjoni kbira li “se nagħmel dak kollu possibbli u l-enerġija kollha tiegħi biex dan il-Partit jerġa’ jqum fuq saqajh u jerġa’ jieħu l-post li jixraqlu.”

Clyde Puli hu miżżewweġ u missier ta’ żewġt itfal. Mitlub jiddeskrivi lilu nnifsu, qal: “Inħobb il-familja. Għandi karattru ftit perfezzjonist u nħobb l-affarijiet eżatti. Inħobb il-mużika u l-kumpanija tal-ħbieb. Inħobb l-okkażjonijiet soċjali u li niekol tajjeb. Nipprova nkun uman kemm jista’ jkun u nipprova nkun persuna li nisma’ fejn dak li jkun jitkellem miegħi b’mod liberu u seren.”