Lokali

Is-sitwazzjoni fil-Korp: “Il-Pulizija la protett minn fuq u lanqas rispettat min-nies” – Sandro Camilleri

L-Ispettur Sandro Camilleri waqt li kien intervistat minn Joe Mikallef dwar il-qagħda attwali tal-Korp tal-Pulizija

“Jien jisgħobbija ħafna nara lill-Pulizija mhumiex stmati minn ta’ fuqhom u mhumiex rispettati minn ta’ taħthom. Din hi inkwetanti ħafna u l-problema issa laħqet livelli tat-tħassib fil-veru tas-sens tal-kelma.

“Jien qalbi tingħafas nara Pulizija kollegi tiegħi litteralment jiġu mżebilħa u, agħar minn hekk, fiżikament imsawta. Ara kemm kellna inċidenti serji ta’ dan it-tip. Ara kemm-il Pulizija spiċċa l-isptar jew għand it-tabib minħabba l-ġrieħi li ġarrbu. Ara ftit kemm Pulizija spiċċaw bl-uniformi mqattgħa.

“Imbagħad jinkwetani ħafna li dawn il-Pulizija bħal ma jsibux l-appoġġ mis-superjuri tagħhom… il-każ tagħhom jibqa’ jkaxkar u jkaxkar… u jekk jippruvaw jiddefendu lilhom infushom allura jispiċċaw jintalbu balla dikjarazzjonijiet u flok vittma jispiċċaw meqjusa qishom xi aggressuri.”

Din id-dikjarazzjoni qawwija għamilha mal-gazzetta il-mument l-Ispettur Sandro Camilleri, il-President tal-Malta Police Union, li beda biex għamilha ċara li hu fil-qadi tad-doveri tiegħu ma jħares lejn wiċċ ħadd. “Jien jinteressani biss li nkun ta’ servizz għall-membri kollha tal-Malta Police Union. Dawn ma għandhom lil ħadd biex jaqbeż għalihom u jiddefendihom. Dan ma għandux ikun. Fis-soċjetà l-Pulizija qed jagħmel xogħol mill-aktar importanti u għalhekk ix-xogħol tiegħu ħaqqu li jkun apprezzat u mhux ħafna jieħdu dan ix-xogħol for granted.”

Sitwazzjoni mwiegħra

Mistoqsi biex ġenwinament jagħmel analiżi tal-Korp tal-Pulizija llum, l-Ispettur Camilleri beda biex fisser li s-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija ilha sejra minn ħażin għall-agħar u issa donnu qed tilħaq livelli li huma inkwetanti ħafna. “Inkwetanti ħafna mhux biss għalija bħala l-President tal-Malta Police Union, imma għall-membri kollha fil-Korp tal-Pulizija, għall-familjari tagħhom u għan-nies inġenerali hemm barra fit-toroq, fil-pjazez, fil-postijiet tax-xogħol, fil-postijiet tad-divertiment u anki fi djarhom.”

L-Ispettur Camilleri kompla li “l-Pulizija qed jaqilgħuha minn kulħadd u dan għaliex in-nies bħal donnhom ma tisseparax l-affarijiet. Il-Pulizija ż-żgħir qiegħed hemm biex jobdi l-ordnijiet u nassigurak li l-Pulizija ż-żgħir jagħmel dak kollu li jista’ biex jaqdi d-doveri tiegħu bl-aktar mod leali lejn il-ġurnament li jkun ħa. Għalhekk mhux sew li l-Pulizija ż-żgħir ikun fil-mira tal-kritika tan-nies mingħajr ma jivverifikaw il-fatti.

“Issa jekk ikun hemm Għassa tal-Pulizija li tkun magħluqa għandu jeħel il-Pulizija ż-żgħir. Bħallikieku jkun hu li jiddeċiedi li jagħlaq l-Għassa u jagħmel xi xogħol ieħor.

“Il-Pulizija llum għandhom ħafna pressjoni minn ta’ fuqhom li jippretendu l-mirakli minnhom u mis-soċjetà inġenerali. Il-Pulizija ħafna drabi jagħmlu l-mirakli u jidħlu fin-nar biex jaqdu d-doveri tagħhom. Ħu minn dik is-Surġenta meta kienu qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet quddiem il-Junior College fl-Imsida li spiċċat imbuttata fl-art u weġġgħet serjament. Ħu minn dawk il-Pulizija li dan l-aħħar issawtu fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara minn raġel Għarbi.”

L-Ispettur Camilleri qal li qalbu tingħafas tassew jara li anki n-nies mhux biss ma japprezzawx ix-xogħol tal-Pulizija, iżda jitkellmu fuq il-Pulizija b’ton dispreġjattiv… u dan saħansitra wkol fuq siti soċjali biex ċerti kummenti jinqraw minn kulħadd.

Il-Pulizija bżonn ta’ aktar għodda

Hu qal li jrid ikun l-Istat li l-ewwel jagħti aktar għodda lill-Pulizija u juri li l-Pulizija hu tassew stmat. “Għaliex se nibqgħu b’Pulizija jaħdmu 46 siegħa iżda jitħallsu ta’ 40 siegħa biss? Din hi xi ħaġa li ma tagħmel sens ta’ xejn. Kulħadd jagħtina raġun meta nitkellmu dwar dan l-abbuż, iżda finalment jibqa’ jkollna Pulizija li jaħdmu 46 siegħa u jitħallsu biss ta’ 40 siegħa xogħol. Apparti li dan kollu jmur kontra d-direttivi tal-UE. Aħna qed nitolbu li din tieqaf immedjatament u kulħadd fil-Korp jaħdem ġimgħa xogħol ta’ 40 siegħa.”

Hawnhekk hu tkellem dwar il-ftehim biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-Membri fil-Korp tal-Pulizija u staqsa meta sar l-aħħar ftehim biex il-Pulizija tjibulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. “Insejna meta sar dan l-aħħar ftehim! Il-Pulizija ilhom ma jieħdu żidiet żmien żemżem… Aħna qed ngħidu li għandu jkun hemm żidiet fl-iskali tal-Pulizija. Għandhom ikunu aġġustati l-iskali kollha fil-Korp tal-Pulizija.”

L-Ispettur Camilleri żied li tajjeb li jingħad li kienu bdew taħditiet dwar dan il-ftehim settorjali meta Carmelo Abela kien il-Ministru tal-Intern. “Konna mxejna biċċa sew ’il quddiem. U kienu saru diversi laqgħat importanti. Iżda issa mill-elezzjoni ta’ Ġunju ’l hawn waqaf kollox ħesrem. Aħna tlabna kemm-il darba li dawn il-laqgħat jitkomplew iżda sa issa għadhom ma sarux laqgħat ġodda u kollox baqa’ kif kien.

In-negozjati weqfin… il-ftehim fuq l-ixkaffa

“Issa f’daqqa waħda jiġi l-Ministru Michael Farrugia u jgħid li s-sena d-dieħla se jingħalaq il-ftehim settorjali. Meta? Minn fejn ġabha? L-ewwel irid jinnegozja biex jingħalaq dan il-ftehim settorjali.”

L-Ispettur Camilleri kompla li hu kburi ħafna bix-xogħol li qiegħed jagħmel fi ħdan il-Malta Police Union li ħarġet għonqha għal bosta membri tagħha u f’bosta okkażjonijiet ingħatat raġun. “Għaliex il-Pulizija qiegħed tajjeb tafx… anqas jista’ juża għodda bażika biex jiddefendi lilu nnifsu. Anqas jista’ juża xi pepper spray. U anqas hu armat b’ċerti għodda sempliċi bħal taser gun. Irid joqgħod attent kif jaġixxi għaliex malajr jispiċċa jdabbarha hu.”

Mistoqsi dwar it-tibdil fil-liġijiet li qed tipproponi l-Malta Police Union, l-Ispettur Camilleri qal li l-Malta Police Union qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jassigura li jiħraxu l-pieni fir-rigward ta’ min juża l-vjolenza fuq il-Pulizija.

“Aħna jkollna grupp ta’ Pulizija litteralment imsawta minn raġel barrani u dan għal bosta jiem jibqa’ ma jitressaqx il-Qorti. Aħna jkollna grupp ta’ studenti u Surġenta tispiċċa midruba serjament u għal bosta jiem jibqa’ ma jittella’ ħadd il-Qorti… Dan sew?”

Hu kompla li għalhekk il-Malta Police Union qed titlob li jkun hemm body cameras, dashboard cameras, Pulizija armati b’taser spray u gwida ċara li l-Pulizija jista’ juża dawn l-għodda biex jiddefendi lilu nnifsu, l-ordni pubbliku u jassigura li l-aggressur ikun kontrollat.

Hu qal li anki l-uniformi preżenti tal-Pulizija għandha tinbidel u ssir mhux biss gender neutral, imma anki prattika għax-xogħol li jagħmlu l-Pulizija.

“Imma f’dan il-pajjiż biex tagħmel pass wieħed biss ċkejken ’il quddiem trid tagħmel passjoni sħiħa għaliex il-burokrazija hi f’livelli tal-biża’.”

Miżuri urġenti favur il-Pulizija

“Titkellem dwar mezzi ta’ protezzjoni għall-Pulizija u tkun qisek qed titkellem dwar xi mostru kbir. Issa taf meta jittieħdu passi? Meta jweġġa’ jew jinqatel xi Pulizija. Imbagħad ikollna ħafna teatrini li jkunu faċilment setgħu jiġu evitati.”

L-Ispettur Camilleri kompla li hi għalkollox inġusta l-prassi li Pulizija għaliex jaqdi d-doveri tiegħu jispiċċa pproċessat hu. “Hi għalkollox inġusta li Pulizija joqgħod jaqla’ bis-sieq, bl-idejn u bil-bżieq, iżda hu ma jista’ jagħmel xejn għaliex jibża’ li jiġi f’balla inkwiet u flok ikun investigat il-kriminal, ikun investigat hu.”

Hu qal li jisgħobbih jgħid li l-Pulizija ma humiex protetti mit-Tmexxija tal-Korp li “jitilquk għal rasek u jkollok tfendi litteralment waħdek. Sempliċement insemmilek għadd kbir ta’ każi fejn Pulizija jispiċċaw joqogħdu lura għaliex jgħidulek li inkella jkunu qed jissograw li jitkeċċew mill-Korp… litteralment imwerwra… aħna hekk ma nistgħux naħdmu… kulħadd jiddieħak bina.”

Hawnhekk hu tkellem dwar is-sħubija reċenti fil-Euro Cop International li hi l-akbar konfederazzjoni tal-Pulizija fl-Ewropa u qal li dawn lesti li jgħinu lill-Korp tal-Pulizija biex kull Pulizija jkun mgħammar bl-għodda vera li għandu bżonn, bħal body cameras, taser spray… Kull fejn iddaħħlu dawn l-għodod, l-attakki fuq il-Pulizija naqsu kważi bin-nofs.

Hawn ħafna arroganza fil-konfront tal-Pulizija

Hu ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaħdmu ħalli din l-arroganza li hawn fil-konfront tal-Pulizija tonqos u preferibbilment tintemm. “U dan jista’ jsir billi ħafna mix-xogħol li qed jagħmlu l-Pulizija llum ma jibqgħux jagħmluh għaliex fil-verità l-Pulizija llum qed jagħmlu volum kbir ta’ xogħol li ma hux fir-remit tal-Pulizija li jsir… ħruġ ta’ ċerti liċenzji, immaniġġar tal-Control Room, il-Garaxx tal-Pulizija, il-Kiri tal-Karozzi…

“Iva, aħna nlaqqtu kollox… ma nafx kemm hawn Pulizija jagħmlu l-fixed points meta dawn faċilment jistgħu jsiru minn ħaddieħor. Tara Pulizija fixed points… anqas jaqdu l-bżonnijiet personali ma jistgħu u jispiċċaw jagħmlu ġo xi flixkun tal-plastik li jkollhom fil-karozza tagħhom. Dawn huma affarijiet tal-biki. Dawn huma affarijiet serjissimi. Basta kulħadd iħobb lill-Korp! Tħobb lill-Korp u tħalli Pulizija fixed pointbla ikel, xorb u anqas biss għandhom fejn jagħmlu ftit urina? Għal tmien sigħat sħaħ!”

B’ton ta’ rabja u frustrazzjoni kbira l-Ispettur Camilleri qal li min verament iħobb il-Korp u l-Uniformi jassigura li jtejjeb tassew il-kundizzjonijiet tal-Pulizija. “Mhux hemm min maqful fl-uffiċċju u jiġi jaqa’ u jqum x’qed jiġri fl-Għases u barra fit-toroq. Tara Spetturi li anqas huma kapaċi jressqu lil xi ħadd il-Qorti. Dejjem ifarfru u jiżolqu minn kollox!”

Hu kompla li jemmen li kif inhuma l-affarijiet illum il-fixed points għandhom isiru mill-Armata. “Il-Pulizija taħriġ fuq bażi regolari għandhom bżonn. Il-Pulizija fuq il-beat aktar għandna bżonn narawhom.”

L-Ispettur Camilleri qal li hu jemmen ukoll li anki x-xogħol li qed isir mill-Pulizija fir-rigward tal-Administrative Law Enforcement għandu jsir mill-Armata.

“Trid tidħak ftit… aħna anki l-kċina nieħdu ħsieb… u tistaqsi lil xi Pulizija xi jkun għamel waqt il-ġurnata tax-xogħol tiegħu u dan iwieġbek: “Borma zalza!”…. dawn huma tad-daħk… taħli membri jagħmlu l-ikel jew inkella jikinsu jew inkella jaħdmu fuq xi ħnejja! Il-Korp tal-Pulizija tgħabba b’ħafna affarijiet li ma humiex xogħlu… xogħlijiet li jista’ jagħmilhom kuntrattur, xi aġenzija oħra jew anki l-Armata.”

Hawnhekk l-Ispettur Camilleri enfasizza li bis-serjetà l-Gvern jeħtieġ li jinvesti ferm u ferm aktar fit-taħriġ tal-membri u dan jagħmlu b’mod programmat u mhux kosmetiku. “Jeħtieġ li l-istandards fil-Korp tal-Pulizija jogħlew. Jeħtieġ li kulħadd jibda jħares lejn il-membri tal-Korp bi stima u b’rispett.”

Hawnhekk tkellimna wkoll dwar il-promozzjonijiet li jingħataw il-membri u l-Ispettur Camilleri qabel li ċerti promozzjonijiet iqanqlu ħafna mistoqsijiet serji. Qbilna li ċerti membri ma ħaqqhomx mhux biss ċerti promozzjonijiet, iżda ħaqqhom li jintwerew il-bieb ta’ barra’. Qbilna wkoll li hu għalhekk ukoll li allura l-Pulizija ma jitteħdux bis-serjetà għaliex il-problema ġejja minn fuq.