’Il fuq minn 20 persuna weġġgħu, uħud minnhom gravi, wara li ċeda d-dancefloor ta’ nightclub li jifforma parti minn ċentru kummerċjali fi Playa de las Americas, fil-belt ta’ Tenerife.
Ir-rapporti qalu li l-vittmi waqgħu direttament għal ġol-parti t’isfel tal-Butterfly Disco Pub wara li l-art tas-sular ta’ fuq ċediet taħt saqajhom fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Ħafna min-nies li weġġgħu sofrew il-ksur f’saqajhom u tipi oħra ta’ sfreġju iżda l-indikazzjonijiet kienu li ħadd ma spiċċa f’periklu tal-mewt.
Ir-rapporti qalu li l-midruba ġejjin minn pajjiżi differenti li jinkludu Franza, il-Belġju u r-Rumanija.
Ftit wara l-inċident marru fuq il-post is-servizzi tal-emerġenza li damu s-sigħat jevakwaw lill-midruba.
Il-klabb fejn seħħ l-inċident jinsab f’zona popolari ħafna għall-clubbing fiċ-ċentru ta’ Tenerife, li hu frekwentat mit-turisti kważi s-sena kollha.
//= $special ?>


