Il-gazzetta il-mument illum żvelat kif kull ma jmur qed tbaqbaq il-qiegħa bejn d-Deputat Laburista Robert Abela, li hu wkoll il-Konsulent Legali f’Kastilja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru bl-akbar Portafol Ian Borg. Dan wara li din il-ġimgħa ħarġu iżjed rivelazzjonijiet tal-eluf ta’ ewro f’fondi pubbliċi li qed jakkwista Robert Abela minn konsulenzi differenti bil-barka ta’ Joseph Muscat.
It-tnejn li huma għandhom aspirazzjonijiet għall-futur immedjat tagħhom; dak li jieħdu post Joseph Muscat bħala l-Kap tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru.
Il-ġlieda bejn iż-żewġ Deputati Laburisti qed tikkarga hekk kif sostenituri tal-Ministru Borg bdew kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn dwar Robert Abela bl-iskop li partitarji Laburisti jissaħħnu kontra tiegħu għaliex qed jieħu eluf ta’ ewro f’konsulenzi. Mhux eskluż li din il-ġlieda tiħrax iżjed u allura taf tinżel fl-aktar livelli baxxi possibbli kif esperjenza ripetutament il-Partit Laburista fis-snin l-imgħoddija.
Sorsi qrib il-Partit Laburista li tkellmu ma’ il-mument fissru kif il-qiegħa bejn iż-żewġ kandidati prospettivi diġà qed tbaqbaq sew bin-nies madwar Ian Borg jiftaħru li huma għandhom “Super Minister” pjuttost żagħżugħ, u dan qed jikkontribwixxuh lil Joseph Muscat li skont is-sostenituri ta’ Ian Borg, il-Prim Ministru tant għandu fiduċja fih li fdalu dekasteru daqstant kbir responsabbli mill-proġetti kapitali u l-infrastruttura.
Min-naħa l-oħra n-nies madwar l-Avukat Robert Abela qed jargumentaw lid-Deputat tagħhom igawdi fiduċja akbar għaliex il-Prim Ministru ħatru Konsulent Legali tiegħu f’Kastilja. Barra minhekk, f’bar f’Ħal Qormi magħruf li fih ipoġġu kanvassers ta’ Robert Abela ta’ sikwit qed jingħad li Ian Borg qed jara liema huma dawk il-Ministri li se jkunu qegħdin jappoġġawh biex b’hekk ikun jista’ jibda jagħti t-tarmak lit-toroq fid-distretti tagħhom.

Jippruvaw jiksbu fiduċja fil-Grupp Parlamentari Laburista
Il-battibekki bejn l-Avukat Robert Abela u l-Ministru Ian Borg qed tissokta wkoll fuq livell ta’ popolarità fost il-Grupp Parlamentari Laburista bin-nies tagħhom javviċinaw Deputati Laburisti oħrajn biex jiksbu l-fiduċja tagħhom.
Sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ il-mument qalu li din is-sitwazzjoni mistennija li fi żmien qasir tibda toħroġ ukoll fil-beraħ l-alleanzi ġodda li diġà bdew jiżviluppaw fil-Partit Laburista inkluż anki bl-involviment ta’ politiċi oħra ewlenin li huma interessati fit-tmexxija tal-Partit Laburista bħalma huma l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli u d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.
Stejjer fil-midja biex jattakkaw lil xulxin
F’dan l-isfond kollu, dawk li jridu jagħmlu ħsara lid-dehra ta’ Ian Borg u Robert Abela qed jirrikorru għal diversi stejjer fil-midja, li ġew pubblikati tul ix-xhur u l-ġimgħat li għaddew. Is-sorsi fil-Partit Laburista semmew b’mod partikolari stejjer fil-konfront ta’ Ian Borg bħall-allegati abbuż fir-rigward ta’ żvilupp ta’ proprjetà f’Ħad-Dingli, u stejjer oħrajn dwar il-mod kif Robert Abela qed jirnexxielu jiffanga permezz ta’ għadd ta’ konsulenzi li jagħti lil aġenziji varji tal-Gvern li minnhom daħħal eluf kbar ta’ ewro.
Dan l-aħħar ħarġu rapporti mill-Parlament dwar konsulenzi legali li ħa u qed ikompli jieħu Robert Abela. Dan l-aħħar ġie stabbilit li Robert Abela ħa u qed jieħu konsulenzi ta’ eluf ta’ ewro minn Transport Malta, mill-Awtorità tal-Ippjanar u saħansitra mill-Ministeru tat-Turiżmu. Dan minbarra li huwa Konsulent tal-Prim Ministru.
Tagħrif mogħti fil-Parlament fl-aħħar ġimgħat wara mistoqsijiet imresqa mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi stabilixxa li Robert Abela, li hu wkoll imsieħeb fid-ditta legali ‘Abela, Stafrace & Associates’, bejn il-leġiżlatura li għaddiet u dik preżenti – jiġifieri f’temp ta’ ħames snin – dabbar mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’konsulenzi. Dawn l-ammonti ta’ flus kbar jaqbżu n-nofs miljun ewro fir-rigward ta’ konsulenzi minn Transport Malta, mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Ministeru tat-Turiżmu.
Min-naħa l-oħra l-attakki fuq Ian Borg huma mifruxa sew u hemm min mill-klann oppost fil-Partit Laburista li jgħid li hu għandu jerfa’ r-responsabiltà politika wara r-rapport tal-Ombudsman, meta hu kien ġie endorsed mill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.
Dakinhar, fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman kien akkuża lil Ian Borg li uża metodu ta’ ingann fl-applikazzjoni biex jibni proprjetà fl-inħawi ta’ Santa Katarina, fil-limiti tar-Rabat. Dan meta ħaddieħor applika hu biex ma jidhirx isem Ian Borg.
L-istess rapport jgħid ukoll li tneħħew ir-raġunijiet li kienu jwasslu biex din l-approvazzjoni ma tingħatax kif ukoll li ġew applikati policies skorretti.
Minkejja li l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni mhix istituzzjoni kriminali, u allura ma sabitx ksur ta’ liġi, din l-istituzzjoni għolja għamlet tagħha l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Ombudsman.
Hu f’dam l-isfond li dawk madwar l-Avukat Robert Abela qed jisħqu li anki llum Ian Borg għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ għemilu għaliex il-poplu jistenna l-ogħla standards politiċi mir-rappreżentanti tiegħu.
Akkużi oħrajn fir-rigward tal-Ministru Ian Borg huma dwar allegati miżapproprjazzjoni ta’ flus fiż-żmien meta kien Sindku ta’ Ħad Dingli. Il-każ hu dwar iċ-ċentru ta’ interpretazzjoni fuq l-irdum ta’ Ħad Dingli, hekk kif kienu qed iqumu mistoqsijiet serji dwar kif dan iċ-ċentru – wara li ħareġ il-permess għalih biex ikun ċentru ta’ interpretazzjoni sar ristorant.
//= $special ?>