Lokali

Tnejn arrestati wara delitt li seħħ kmieni dalgħodu f’Birkirkara

Raġel li l-identità tiegħu għad mhix magħrufa nqatel wara argument li seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu fi Triq il-Bwieraq, f’Birkirkara.

Kien għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu li l-Pulizija ssejħu f’din it-triq wara argument bejn tliet persuni li matulha ntużat ukoll arma li taqta’ u bil-ponta.

Fil-post, il-Pulizija sabu raġel midrub li ttieħed immedjatament lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura iżda sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

Fuq il-post il-Pulizija sabu wkoll żewġ persuni, ilkoll barranin, li allegatament kienu laħqu ħaslu t-traċċi tad-demm mifruxa matul it-triq. Dawn qed jinżammu mill-Pulizija biex jassistu fl-investigazzjonijiet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Bl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, il-Pulizija qed jitrattaw il-każ bħala delitt. B’hekk dan hu t-tmien delitt li seħħ matul din is-sena, b’dak preċedenti jseħħ biss tmint ijiem ilu meta Angelo Mangion safa’ vittma ta’ sparatura f’Ħ’Attard.