Lokali

FILMAT: “Imperattiv li nagħmlu użu għaqli mir-riżorsi tal-Partit” – Clyde Puli

Is-Segretarju Ġenerali jwieġeb għall-attentat tal-Partit Laburista u l-media ħabiba tiegħu li jagħtu stampa qarrieqa tas-sitwazzjoni fil-PN

Il-Gvern Laburista għaddej b’tentattiv biex jipprova jiddistabilizza lill-Partit Nazzjonalista bi stejjer qarrieqa dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista.

Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli f’diskors li għamel il-Ħadd filgħodu f’Ħal Qormi, fejn irrefera għall-istejjer spinjati mill-Gvern Laburista u mill-gazzetti ħbieb tiegħu dwar il-każini tal-Partit Nazzjonalista.

“Toqgħodux tagħtu każ l-istejjer qarrieqa, spinjati mill-Gvern u mill-media houses ħbieb tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista se jiddeċiedi hu fl-aħjar interess tal-partit u tal-partitarji kif se juża l-każini tiegħu. U tafu għaliex nistgħu nagħmlu hekk? Għax il-każini tagħna huma tagħna. Aħna xtrajnihom, il-partitarji xtrawhom, minn flushom. Aħna ma sraqnihom lil ħadd,” qal Clyde Puli.

Waqt li l-Gvern Laburista qed jipprova jagħti stampa li mhux minnha tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli saħaq li madanakollu xorta jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jagħmel użu għaqli mir-riżorsi tiegħu minħabba l-ispejjeż li l-partit għandu bżonn għall-operat tiegħu.
Hawnekk semma l-każin tas-Siġġiewi bħala eżempju, li ma nbiegħx – iżda biċċiet minnu qed jinkrew bi dħul għall-Partit waqt li l-Partit Nazzjonalista xorta għadu jista’ jagħmel użu minnu għall-attivitajiet tiegħu.

“Fejn nistgħu ma nbiegħux każini, m’aħniex se nkunu qed inbiegħu każini. Fejn għandna ftehim li diġà marbutin bih, irridu nonoraw dak il-ftehim. Imma li hu żgur, li kull każin għandu potenzjal akbar minn kif qed jintuża llum. U rridu nassiguraw illi kull każin nużaw bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bl-aktar mod produttiv possibbli, bl-aktar mod li jista’ jħallilna ideat ġodda min-nies li jkunu qed joperaw fih – imma wkoll finanzi oħra biex aħna nkunu nistgħu noperaw lil dan il-Partit,” żied jgħid Clyde Puli.

Kien hawnekk fejn is-Segretarju Ġenerali rrefera għall-eluf kbar ta’ spejjeż li l-Partit Nazzjonalista għandu għall-operat tiegħu u tal-media tiegħu. Imma b’kuntlarju tal-Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista qatt ma seraq każini.

Clyde Puli temm jappella biex il-partitarji u l-attivisti jgħinu lill-Partit Nazzjonalista f’Maratona Ġbir ta’ Fondi li se ssir fl-10 ta’ Diċembru li ġej bl-għan li jkun jista’ jiġi ffinanzjat l-operat normali, u li jiswa ħafna flus, tal-Partit Nazzjonalista u l-media.