Lokali

Ġejja l-kesħa: It-temperaturi mistennija jinżlu sa 10°C

It-temperaturi fil-gżejjer Maltin mistennija jinżlu drastikament hekk kif sa nhar il-Ħadd li ġej hu prevvist li jkollna temperaturi li jmissu mal-10°C.

L-Uffiċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li nhar il-Ħadd li ġej, l-inqas temperatura tkun ta’ 10°C.

Skont it-tbassir għas-sebat ijiem li ġejjin, l-inqas temperaturi se jkunu qed ivarjaw bejn l-10°C u l-15°C. It-Tnejn, l-inqas temperatura tinżel għal 12°C; it-Tlieta tinżel għal 13°C; l-Erbgħa tinżel għal 14°C u l-Ħamis l-inqas temperatura tkun 15°C.

Però wara l-Ħamis, it-temp jerġa’ jiksaħ billejl, għax il-Ġimgħa t-temperatura tinżel għal 13°C; is-Sibt 11°C u l-Ħadd 10°C.

Il-Ħamis l-ogħla temperatura mistennija titla’ għal 21°C, li skont it-tbassir se tkun l-ogħla temperatura rreġistrata din il-ġimgħa.

Il-kesħa li riesqa fuq il-gżejjer Maltin tikkuntrasta bil-kbir max-xhur tas-sajf, li matulhom pajjiżna esperjenza sħana tremenda.