Lokali Qorti

“Ikun hawn funeral li Malta qatt ma rat bħalu” – l-akkużat hedded lil martu

“F’Malta jkun hawn funeral kbir li bħalu qatt ma raw.” B’dan il-kliem ta’ theddid Roddy Williams allegatament ġiegħel lil martu Natalie tinżel f’kamra mudlama f’labirint ta’ mini taħt il-Forti Rikażli u hemmhekk żammha għal tliet ijiem u fejn allegatament stupraha darbtejn.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Josric Mifsud fil-kumpilazzjoni fil-każ kontra Roddy Williams ta’ 37 sena imwieled fis-Seychelles u residenti l-Fgura. Hu jinsab akkużat li ħataf lil martu Natalie ta’ 46 sena, żammha kontra l-volonta’ tagħha f’post imwarrab u mudlam fil-limiti tal-Kalkara mingħajr ikel u xorb, b’periklu ċar għal ħajjitha u attivita’ sesswali vjolenti u kkaġunalha biża’ li se ssir vjolenza fuqha jew fuq il-familja tagħha.

Fil-Qorti, l-Ispettur Mifsud irrakkonta kif il-Pulizija kienet informata li l-mara kienet nieqsa meta missierha għamel rapport fl-għassa. Il-Pulizija fittxet il-post tax-xogħol tal-vittma kif ukoll fl-isptarijiet. Iżda dawn irriżultaw fin-negattiv, bħalma irriżultaw fin-negattiv tentattivi biex tinstab permezz tat-telefon ċellulari.

Fit-30 ta’ Ottubru, il-Pulizija kienu msejjħa biex iferrqu ġlieda fil-Kalkara fejn allegatament sabu lil Williams f’argument ma’ familjari tal-mara. Kien waqt li kien miżmum mill-Pulizija meta l-akkużat ammetta li kien qed iżommha fl-inħawi ta’ Rikażli. Hu kien ħa lill-Pulizija fuq il-post fejn sabu lil Natalie Williams mitlufa minn sensieha.

Fix-xhieda tagħha mal-espert legali maħtur mill-Qorti, Natalie Williams qalet li kienet aċċettat li tiltaqa’ miegħu sabiex il-proċeduri ta’ separazzjoni jispiċċaw bil-kwiet. Madanakollu, hi qalet li r-raġel imbuttaha fit-taraġ għal isfel qrib il-fortifikazzjonijiet u spiċċat fil-baħar. Wara li tellagħha, hu ħadha f’dawn il-mini u heddidha bi vjolenza fuq il-familja tagħha jekk ma tagħmilx kif jgħidilha.

Kien hawnhekk li allegatament stupraha darbtejn u heddidha li jħanxrilha għonqha bi ħġieġa. Hu insista li għandu dritt għall-att sesswali għaliex hi kienet martu.

L-Ispettur Mifsud kompla li l-mara qalet lill-pulizija li kienet imbeżża’ wisq biex toħroġ mill-post meta kien jitlaq għaliex kienet qed tibża’ li jekk jaqbadha barra, kien iwettaq it-theddid tiegħu.

Meta mistoqsi mid-Difiża dwar il-fatt li l-mara biddlet il-verżjoni tagħha, l-Ispettur qal li Natalie Williams kienet kellmet lill-pulizija ftit siegħat wara li kienet salvata u kienet evidentement taħt it-trawma u wara li kienet ingħatat l-attenzjoni medika, il-mara riedet tikjarifika li ma marritx hemmhekk fil-karozza tal-akkużat iżda qablet li tiltaqa’ miegħu hemm biex is-separazzjoni titlesta’ bil-kwiet. L-Avukat Ludwig Caruana, li qed jidher parte civile, qal li l-mara kienet ħawwdet żewġ inċidenti separati.

Iktar kmieni xehed l-espert tal-Qorti Stephen Spiteri, speċjalizzat fl-arkitettura militari. Hu qal li l-Forti Rikażli bħalissa hu propjeta’ tal-Gvern mhux allokata. Hu qal li m’hemm xejn xi jwaqqaf l-aċċess għall-forti u għax-xibka ta’ mini taħt l-art li jagħmlu parti mill-fortifikazzjonijiet.

Meta mar fuq il-post, hu qal li minn ċertu toqob kif ukoll partijiet fejn ċeda parti mill-ħitan, hemm biżżejjed dawl fil-post li jwassal għall-kamra fejn inżammet il-vittma. Fil-kamra nnifisha hemm dlam ċappa għax jinsab iktar ‘l isfel.

Madanakollu, id-dawl fil-mini hu xi ħaġa kruċjali u l-Avukat Franco Debono qal li espert ieħor tal-Qorti, il-Perit Mario Cassar, ma semma xejn dwar dawn it-toqob u l-parti li ċediet. Għaldaqstant Franco Debono talab li l-Perit Cassar jissejjaħ biex jixhed mill-ġdid.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li l-Qorti se tagħti digriet in camera dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispetturi Josric Mifsud u Paula Ciantar qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Yanika Vidal qed jassistu lil Williams. L-Avukat Ludwig Caruana u Janice Borg qed jidhru parte civile għall-vittma.