Lokali Parlament

Il-każ dwar konsulenzi tad-deputat Laburista Robert Abela dikjarat magħluq

L-Ispeaker Anġlu Farrugia (ritratt: Jason Borg, DOI)

F’ruling mogħti ftit tal-ħin ilu, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li l-każ imqajjem mill-Ministru Joe Mizzi dwar rapport f’In-Nazzjon fuq allegati konsulenzi li d-deputat Laburista Robert Abela mill-Enemed issa hu magħluq wara li kienu pubblikati d-dikjarazzjonijiet marbuta miegħu.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker irrifera għal ilment mill-Ministru Joe Mizzi dwar rappurtaġġ fil-ġurnal In-Nazzjon tal-21 ta’ Novembru 2017 bit-titlu ‘Jiffanga wkoll minn fuq konsulenzi tal-Enemalta’. Fil-parlament il-Ministru Mizzi kien qal li ma kinx qed iqajjem ksur ta’ privileġġ iżda r-rapport ma kinx jirrifletti tweġiba parlamentari li hu kien ta iktar kmieni.

Il-Ministru Mizzi kien qal li d-deputat Laburista Robert Abela ma ngħata l-ebda xogħol legali lilu jew lid-ditta legali tiegħu mill-entitajiet taħt il-Ministeru tiegħu. Dwar l-Enemalta hu qal li din għandha natura kummerċjali li tista’ tirrifletti fuq il-kumpanmija iżda jirriżulta li m’hemm l-ebda konsulenzi mill-Enemed.

Fir-ruling l-Ispeaker qal li fl-artiklu jissemmew l-Enemalta u l-Enemed u li l-Ministru tkellem dwar is-sensittività kumermċjali tal-Enemalta. Hu kompla li t-tweġiba li kien ta l-Ministru kienet li ma ngħata l-ebda xogħol legali jew lid-ditta tiegħu u li l-Enemalta kellha element kummerċjali. L-Ispeaker rrifera għal rulings fil-passat u qal li l-għada In-Nazzjon ippubblikat ittra tal-Enemed li kkonfermat il-pożizzjoni tal-Ministru u l-pożizzjoni tal-istess Ministru Mizzi.