Internazzjonali

Il-Papa Franġisku jibda żjara sensittiva fi Myanmar

Il-Papa Franġisku  beda l-ewwel żjara tiegħu fi Myanmar bħala Kap tal-Knisja Kattolika, b’din iż-żjara qed issir fi żmien sensittiv ħafna għal-pajjiż li qed ikun akkużat dwar kampanja ta’ tindif etniku.

Il-Papa wasal fl-ajruport internazzjonali ta’ Yangon kmieni filgħodu, b’mijiet ta’ nies jinġabru fit-toroq tal-kapitali kummerċjali ta’ Myanmar biex jaraw il-carcade tal-Kap tal-Kattoliċi li għadda mill-inħawi.

Intant, l-allegata kampanja tat-tindif etniku fi Myanmar ilha x-xhur tiddomina l-aħbarijiet meta l-vittmi huma l-membri tal-komunità Musulmana bl-isem Rohingya. Fil-fatt, hemm attenzjoni kbira għal jekk il-Papa Franġisku jużax it-terminu ‘Rohingya’ biex jirreferi għal dawn il-Musulmani, li fi kliem l-Istati Uniti u n-Nazzjonijiet Uniti spiċċaw vittmi ta’ persekuzzjoni kbira fl-artijiet ta’ Myanmar.

L-Uffiċjali ta’ Myanmar, intant, jiċħdu għat-terminu ‘Rohingya’ fost il-biża dwar reazzjoni vjolenti min-naħa tal-Buddisti f’maġġoranza, f’każ li l-Papa jenfasizza l-kelma waqt id-diskorsi fil-pajjiż.

Il-programm tal-Papa fi Myanmar jinkludi laqgħat mal-Mexxejja ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi kif ukoll mal-Kap tal-Armata tal-pajjiż.

Ladarba jikkonkludi ż-żjara, il-Papa għandu jmur f’Bangladesh u jiltaqa’ ma’ grupp żgħir ta’ refuġjati tal-komunità tar-Rohingya, bħala ġest simboliku.

Minn Awwissu ‘il hawn, ‘il fuq minn 600,000 Musulman tar-Rohingya ħarbu minn Myanmar lejn Bangladesh, man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan waqt mewġa ta’ azzjonijiet militari mill-militar ta’ Myanmar fl-Istat ta’ Rakhine, u li segwew xi attakki minn militanti tar-Rohingya fuq il-pożizzjonijiet tal-pulizija.

Għalkemm il-Papa uża t-terminu ‘l-aħwa tagħna tar-Rohingya’ waqt li kien qed jikkundanna l-vjolenza, l-uniku Kardinal Kattoliku fi Myanmar talbu biex jevita din il-kelma waqt din iż-żjara, bil-għan li ma jixprunax il-kontroversji.

L-Uffiċjali fi Myanmar, aktar milli jużaw il-kelma Rohingya, jirreferu għal dik il-komunità ta’ Musulmani bħala ‘Bengali’. L-istess uffiċjali jgħidu li dawn il-Musulmani kienu emigraw illegalment lejn Myanmar minn Bangladesh u, għaldaqstant, ‘m’għandhomx jingħataw l-istatus ta’ grupp etniku’. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet f’Bangladesh jiċħdu li r-Rohingya huma ċ-ċittadini ta’ pajjiżhom.

Filwaqt li t-Tmexxija fi Myanmar qed tgħid li l-azzjonijiet tal-militar f’Rakhine huma intiżi biex ikeċċu ‘lill-militanti vjolenti mill-inħawi’, in-Nazzjonijiet Uniti fissret il-vjolenza (f’Rakhine) bħala ‘eżempju ċar ta’ tindif etniku’, bil-kritiċi internazzjonali qed jappoġġjaw dan is-sentiment.