Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jordna lil Keith Schembri biex jilqa’ kwalunkwe stedina li jagħmlulu l-Membri tal-Parlament Ewropew u jwieġeb bis-sħiħ għall-mistoqsijiet li jagħmlulu. Dan stqarru n-Network tas-Soċjeta’ Ċivili b’rabta maż-żjara ta’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew il-Ħamis li ġej jiksbu tagħrif dwar il-qagħda tas-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna.
In-Network tas-Soċjeta’ Ċivili qalet li l-Prim Ministru għandu jagħmel dan fid-dawl tal-fatt illi fi Frar ta’ din is-sena ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri irrifjuta li jiltaqa’ mal-Kumitat PANA in konnessjoni ma’ allegat involviment tiegħu f’kumpaniji fir-Repubblika tal-Panama.
Filwaqt li wieħed jifhem li teżisti ħbiberija bejn il-Prim Ministru w iċ-Chief of Staff tiegħu u li dan fih innifsu mhux xi ħaġa ħażina, in-Network tas-Socjetà Ċivili jfakkar li fil-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru Joseph Muscat ħalef u impenja ruħu solennement fil-konfront tal-Poplu Malti li jaqdi d-doveri tiegħu ta’ Prim Ministru mingħajr biża’ jew favur.
In-Network tas-Socjetà Ċivili tistenna wkoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat jagħmel ħiltu kollha sabiex jipperswadi lil Brian Tonna and Karl Cini ta’ Nexia BT sabiex jikkollaboraw mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew li ser ikunu f’Malta din il-ġimgħa. Filwaqt li dawn l-individwi huma marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerti materji, fl-istess waqt in-Network tas-Socjetà Ċivili jistqarr li peress li aktar kmieni din is-sena is-Sur Brian Tonna ġie rapurtat fil-mezzi tax-xandir li iddikjara li huwa s-sid ta’ Egrant Inc. u peress li l-ebda persuna ma tista’ tkun marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità fil-konfront tagħha nnifisha, għaldaqstant ma jeżisti l-ebda impediment sabiex is-Sur Tonna jagħti l-informazzjoni kollha fil-pussess tiegħu fir-rigward ta’ Egrant Inc. lir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew.
In-Network tas-Socjeta’ Civili ser torganizza demostrazzjoni ghall-gustizzja nhar il-Hadd 3 ta’ Dicembru, 4pm fil-Belt Valletta. Il-Kelliem ewlieni ser ikun l-eks magistrat kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro.
//= $special ?>

