Eluf kbar ta’ nies reġgħu ħarġu jipprotestaw fit-toroq tal-ibliet, fir-Rumanija fost dimostrazzjonijiet ġodda kontra l-Gvern tax-xellug u kontra l-allegata dispożizzjoni tal-amministrazzjoni ‘biex tagħlaq għajnejha għall-korruzzjoni’.
Fil-kapitali Bucharest spikkaw folol ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini minkejja l-kesħa kbira li qed tiddomina bħalissa fir-reġjun. Sadanittant, eluf kbar oħra qegħdin jorganizzaw dimostrazzjonijiet kontra l-korruzzjoni fi bliet u zoni oħrajn tar-Rumanija.
Madwar 40 grupp tas-soċjetà ċivili, flimkien ma’ żewġ federazzjonijiet trejdunjonistiċi ħarġu stqarrija konġunta fejn qalu li ‘ir-Rumanija tallum spiċċat f’idejn mafja politika’.
Il-gruppi u l-federazzjonijiet inkwistjoni kienu l-ixprun ewlieni wara l-protesti f’Bucharest u l-bliet Rumeni l-oħra.
Il-poplu Rumen qed jitlob l-irtirar tal-leġislazzjoni proposta li għandha tibdel bil-kbir is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżhom. Il-bidliet li qed jipprova jdaħħal il-Gvern huma intiżi biex inaqqsu l-poteri tad-direttorat għal kontra l-korruzzjoni magħruf bħala DNA.
Il-kritiċi tal-bidliet proposti jgħidu li l-istess bidliet għandhom iwaqqfu l-progress tal-impenn lejn it-trażżin tal-korruzzjoni. Dan meta l-Unjoni Ewropea ilha tilmenta dwar ‘il-korruzzjoni endemika’ fir-Rumanija mindu dan il-pajjiż issieħeb fiha għaxar snin ilu.
Il-poplu tar-Rumanija hu partikularment irrabjat talli qegħdin jitfasslu l-liġijiet ( fil-pajjiż) li jidhru li qed imorru kontra l-interess nazzjonali u li għandhom biss l-iskop li jsalvaw ftit persuni li jinsabu taħt investigazzjoni.
Anki Liviu Dragnea, il-Kap tal-Partit Soċjal-Demokratiku (PSD) fil-Gvern, jinsab fiċ-ċentru tal-għadab popolari. Dragnea hu projbit milli jieħu l-poter peress li nstab ħati dwar abbużi fil-proċess elettorali, iżda l-indikazzjonijiet huma li hu, xorta waħda, qed imexxi lill-pajjiż ‘minn wara l-kwinti’.
Il-PSD kien irritorna fil-poter f’Diċembru li għadda grazzi għal rebħa elettorali qawwija, iżda minn dak iż-żmien kellu jħabbat wiċċu ma’ diversi problemi kbar.
Sadanittant, il-prosekuturi, il-ġimgħa l-oħra, kienu ħatfu l-assi ta’ Liviu Dragnea waqt investigazzjoni dwar allegata misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Dragnea anki qed ikun ipproċessat għal allegat abbuż ta’ poter u fejn hu qed jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>

