L-Ewroparlamentari Roberta Metsola irrakkontat kif kienet ixxukkjata meta rat il-messaġġ miktub fuq Facebook minn Emmanuel Navarro fejn qal li “għandha tinħaraq ħajja”.
Roberta Metsola xehdet illum fil-Qorti hekk kif bdiet tinstema’ l-kawża kontra Emmanuel Navarro ta’ 66 sena min-Naxxar. Hu kien akkużat li kien qed jinċita mibegħda fuq bażi ta’ twemmin politiku, jinċita biex jitwettaq reat, theddid u użu mhux xieraq ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni.
Il-kumment ta’ Emmanuel Navarro qanqal diversi reazzjonijiet hekk kif fuq il-paġna ta’ Facebook tal-ġurnal Maltatoday, hu kien ikkumenta:
“Is-Sur Navarro iddeċieda li, għaliex qed nagħmel xogħoli fil-Parlament Ewropew, kif ġejt eletta li nagħmel, jiena traditur u li speċifikament jien, għandi ninħaraq ħajja għax jien demel”, xehdet l-Ewroparlamentari.
“Kont ixxukkjata għaliex nemmen li f’pajjiż fejn suppost nirrispettaw lil xulxin, xi ħadd li qed jagħmel xogħolu fil-Parlament Ewropew li jqum u jitkellem dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, m’għadux ikun mhedded b’dan il-mod.”
Mistoqsija quddiem il-Maġistrat Grazio Mercieca jekk kienitx qed tħossha mhedda, Roberta Metsola wieġbet li hi omm ta’ erbat itfal u li post bħal dik tpoġġihom f’periklu. “Tista’ twassal biex xi ħadd jaġixxi għaliex it-theddid kienet speċifika għalija,” stqarret l-Ewroparlamentari.
Hi qalet li ma kellha ebda kuntatt mal-akkużat qabel dan l-inċident.
Iktar kmieni xehed ukoll l-Ispettur Timothy Zammit mit-taqsima tas-Cybercrime tal-Pulizija. Hu qal li kien informat mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar artikli fuq il-mezzi tax-xandir li kienu qed jikkwotaw dan il-kumment ta’ Emmanuel Navarro. Immedjatament hu kien bagħat email lil Roberta Metsola biex jara jekk hux biħsiebha tipproċedi. Hu bagħat ukoll talba għal informazzjoni lil Facebook iżda sa issa għadu ma ngħatax tweġiba. Hu qal li normalment, Facebook iwieġeb fi żmien ġimgħatejn minn meta ssir it-talba għall-informazzjoni.
L-Avukat Franco Debono, f’isem Navarro qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu xtaq jiskuża ruħu fil-preżenza tal-vittma u li jirtira dak li kiteb iżda “mingħajr preġudizzju” fir-rigward ta’ ħtija jew le.
Kien hemm ukoll mument ta’ kommossjoni hekk kif qariba tal-akkużat ħassha ħażin u kellha tiġi skortata ‘il barra mill-Awla.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Grazio Mercieca, ikkonfermat l-ordni ta’ protezzjoni favur Roberta Metsola u l-familja tagħha maħruġ mill-Qorti meta Navarro tressaq għall-ewwel darba.
Fid-dawl tal-fatt li x-xhud ewlenija tat ix-xhieda tagħha, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.
L-Avukati Jason Azzopardi u Karol Aquilina dehru parte civile għal Roberta Metsola. L-Avukat Franco Debono u l-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit dehru għall-akkużat.
//= $special ?>